Fil-Qorti beda jinstema’ l-każ kontra t-Tarzna Palumbo dwar allegati ħsejjes u storbju li r-residenti fl-inħawi qed jiddeskrivuhom bħala “intollerabbli”. Ir-residenti qed isostnu li l-ħsejjes, li ilhom jinstemgħu xhur, huma insapportabbli aktar u aktar matul il-lejl.
Fil-Qorti kienu ppreżentati wkoll ‘recordings’ tal-ħsejjes, li ttieħdu minn wieħed mix-xhieda. Il-każ tressaq il-Qorti mill-Pulizija wara rapporti li saru l-Ġimgħa li għadda minn residenti fl-Isla. Minn dak li ħareġ fil-Qorti jirriżulta li mit-Tarzna ta’ Palumbo qed joħorġu ħsejjes kontinwi, bħall-ħoss qawwi qisu ta’ magna ta’ karozza.
Fir-rapporti li saru lill-Pulizija fil-jiem li għaddew, ingħad li nstemgħu anke ħsejjes qawwija ta’ tisbit ta’ metall fuq metall ieħor, kif ukoll ħsejjes kbar qishom ta’ ‘generator’.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, issospendiet is-seduta għal għada, filwaqt li nħatar espert biex imur fis-sit u jieħu l-miżuri kollha neċessarji matul il-lejl ħalli jiffaċilita l-proċess meta jkompli jinstema’ l-każ. L-espert intalab janalizza wkoll dak li jkun għaddej fit-Tarzna u anke fir-residenzi ta’ min ressaq ir-rapport.
Barra minhekk, il-Qorti ordnat ukoll biex il-bastimenti kollha li hemm fit-Tarzna ta’ Palumbo jibqgħu kollha fejn huma, b’din id-deċiżjoni ssib l-oġġezzjoni tad-Difiża, li min-naħa tagħha se tkun qed tressaq ix-xhieda u l-argumenti minn għada stess.
Sadanittant, anke l-Assoċjazzjoni Flimkien għal Ambjent Aħjar tat ix-xhieda taghha fil-Qorti, bil-kelliema tal-Assoċjazzjoni sostniet li din is-sitwazzjoni mhijiex ġusta fil-konfront tar-residenti. Qalet ukoll li din is-sitwazzjoni żgur li mhijiex aċċettabbli f’pajjiż Ewropew.
//= $special ?>

