Xjentisti Ingliżi ngħataw il-permess li jbiddlu ġenetikament embrijuni umani.
Skont rapport f’’The Daily Telegraph’, il-permess ingħata lill-Francis Crick Institute u x-xogħol fuq l-embrijuni umani jista’ jibda f’Marzu wara li l-Human Fertilisation and Embryology Authority (HFEA) it-Tnejn ta l-kunsens tiegħu.
Ix-xjentisti jridu jimmodifikaw embrijuni li jkunu tħallew mill-kliniċi tal-IVF. Din se tkun it-tieni darba li fid-dinja se jkun sar proċess simili u l-ewwel darba li dan kien approvat direttament minn regolatur.
Is-sena li għaddiet xjentisti kienu għamlu esperimenti simili u l-aħbar qanqlet furur kbir madwar id-dinja.
Ix-xjentisti Ingliżi jridu jwettqu dawn l-esperimenti għaliex bħalissa, madwar 50 fil-mija tal-bajd fertilizzat fil-kliniċi tal-IVF ma jiżviluppawx sew u esperti jemmnu li dan hu għaliex hemm kodiċi ġenetika difettuża. Jekk ix-xjentisti jsiru jafu liema huma dawn, huma qed isostnu li jistgħu jibdew jeliminaw l-embrijuni fejn id-DNA mhux qed jaħdem sew u hekk jevitaw korriment tat-tarbija waqt it-tqala u jgħinu l-fertilità.
Imma kritiċi qed jinsistu li dan il-kunsens se jiftaħ il-bieb biex it-trabi jibdew jiġu ‘disinjati’ skont ix-xewqa tal-ġenituri kif ukoll biex jibdew jitwieldu nies modifikati ġenetikament.
Jingħataw permess fir-Renju Unit biex jesperimentaw fuq l-embrijuni umani
