Għawdex Lokali Parlament

Jitwaqqfu l-vjaġġi mill-Imġarr għal Sa Maison …lura flok ‘il quddiem fl-aċċessibbiltà

Qed jinkiser il-kuntratt li l-Gozo Channel għandha mal-Gvern u anke d-Direttiva Ewropea dwar it-Trasport bil-Baħar

Is-servizz tal-Gozo Channel bejn l-Imġarr u Sa Maison u lura, servizz importanti li kien iġorr merkanzija lejn u minn Għawdex lejn Malta u li kien ilu jingħata ħafna snin, twaqqaf b’effett mis-7 ta’ Jannar li għadda.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, fl-Aġġornament fil-Parlament illejla, ikkritika d-deċiżjoni li jitwaqqaf dan is-servizz u saħaq li l-aċċessibbiltà għal Għawdex u l-Għawdxin, sejra lura flok ‘il quddiem.

Spjega li kawża ta’ dan it-twaqqif tas-servizz bejn l-Imġarr u Sa Maison, it-trakkijiet kollha tal-merkanzija biex jaqsmu jridu jmorru ċ-Ċirkewwa bil-konsegwenzi kollha li dawn iġibu fit-toroq lejn u miċ-Ċirkewwa, partikolarment fit-toroq tax-Xemxija u l-Mellieħa.

Ix-Shadow Minister qal li l-Gvern baqa’ sieket dwar din id-deċiżjoni minkejja li l-Ministru Refalo s-sena l-oħra kien qal f’mistoqsija parlamentari li l-Ministeru tiegħu ser jara li dan is-servizz ma jiqafx.

Dak li sar, saħaq Chris Said, qed jikser il-kuntratt li l-Gozo Channel għandha mal-Gvern u anke s-Sea Transport Directive tal-Unjoni Ewropea li tistipula li kull fejn hu possibbli l-ġarr tal-merkanzija jsir b’mezzi fuq il-baħar u mhux fuq l-art.
Appella lill-Gvern jerga’ jdaħħal dan is-servizz u tinstab soluzzjoni biex jonqsu l-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija, u li l-vjaġġi jiżdiedu u mhux jitneħħew.

Spettur tal-Pulizija wieħed biss f’Għawdex
Ix-Shadow Minister tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni li ttieħdet aktar minn xahrejn ilu, meta wieħed miż-żewġ Spetturi li kien hemm stazzjonati f’Għawdex ġie trasferit lejn l-Għassa ta’ Tas-Sliema. B’din id-deċiżjoni, Għawdex spċċa bi Spettur wieħed minkejja li f’Għawdex il-Pulizija ma jagħmlux biss ix-xogħol ta’ Distrett kwalunkwe, iżda ħafna xogħol ieħor. Minkejja dan kollu, il-Gvern ħa deċiżjoni li flok laħħaq Spettur minn distrett f’Malta, ġie trasferit Spettur minn Għawdex.

Fisser id-deċiżjoni li jintbagħat Septtur minn Malta meta l-uniku Spettur f’Għawdex ikun bil-leave jew sick leave, li ma taghmel ebda sens u turi kif dan il-Gvern jittratta lil Għawdex bħala post tat-tieni klassi.

Chris Said ikkritika li d-dalwaqt tal-Ministru għall-Intern li se jerġa’ jintbagħat Spettur ieħor f’Għawdex wara li qal li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Kummissarju, diġà fissret ġimgħat sħaħ. Appella lill-awtoritajiiet jerġgħu jagħtu lil Għawdex żewġ spetturi immedjatament għax jekk le, se jkomplu jikbru l-problemi.

Flotta ta’ vetturi tal-Pulizija f’Għawdex ruħ ommha fi snienha
Irrifera wkoll għal mistoqsija parlamentari oħra dwar x’vetturi għandhom il-Pulizija f’Għawdex u qal li rriżulta li kważi terz tal-vetturi tal-Pulizija f’ Għawdex ma jaħdmux, min għal raġuni u min għal oħra.
Irriżulta wkoll li f’Kemmuna, il-Pulizija qed jinqdew b’mutur li hu manifatturat fl-1973 – mutur ta’ 43 sena. Semma wkoll li fost il-vetturi li jaħdmu hemm ħafna li huma “ruħ ommhom fi snienhom”, bħalma huma ż-żewġ karozzi tad-distrett li ma jingħalqux; u l-hearse meta tinħareġ ikollha tinżamm imqabbda l-ħin kollu għax jekk tintefa ma terġax taqbad.
Appella biex il-Gvern jara li l-Korp tal-Pulizija f’Għawdex jingħata numru ta’ vetturi u muturi ġodda biex jaqdu sew l-esiġenza tal-Korp.

Taħwid, nuqqas ta’ serjetà u nuqqas ta’ ippjanar fi skola primarja ġdida
Tkellem ukoll dwar l-iskola primarja tar-Rabat li saret żgħira u hija antika. Spjega li r-raġuni għaliex saret zgħira jista’ jkun minħabba li d-dipartiment qed ħhalli tfal minn Għawdex kollu jmorru f’din l-iskola meta hemm aktar minn għaxar skejjel primarji oħra f’Għawdex fejn fi tnejn biss hemm iżjed minn 100 student fihom.

Appella li jekk isir ippjanar aħjar, jikbru skejjel li qed imutu u tonqos il-pressjoni minn fuq l-iskola primarja tar-Rabat.
Filwaqt li saħaq li xorta jibqa’ l-bżonn ta’ skola primarja ġdida kif kienet qed tiġi ppjanata minn Gvern Nazzjonalista wara li bena l-iskola sekondarja tas-subien, Chris Said qal li dak li ġara fl-aħħar ġimgħat juri t-taħwid, in-nuqqas ta’ serjetà u nuqqas ta’ ippjanar ta’ dan il-Gvern.

Semma li fit-23 ta’ Dicembru tlaqqa’ l-istaff kollu tal-Iskola Sekondarja tal-Bniet tar-Rabat biex jgħidulhom li matul l-vaganzi tal-Milied li għadda ser tibda tinbena binja ġdida f’wieħed mill-ispazji miftuħa ta’ dik l-iskola biex din titlesta sa Settembru li ġej u tilqa’ fiha t-tfal tal-primarja tar-Rabat.

Irrimarka wkoll li din il-laqgħa tmexxiet minn uffiċjal tal-edukazzjoni minn Malta għax ħadd minn Għawdex ma ried jieħu din ir-responsabbiltà.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex qal ukoll li dwar dan ma saret ebda konsultazzjoni ma’ ħadd. Semma kif kienu diġà ġabu l-permess tal-MEPA, ħargu t-tenders u ngħataw, u kien kollox lest biex jibda x-xogħol. Żvela wkoll kif b’mod misterjuż, ix-xogħol li kellu jibda fl-aħħar ta’ Diċembru li għadda ma bediex.

Chris Said kompla jiżvela kif xahar wara, nhar is-Sibt li għadda l-Ministru Bartolo ħabbar li ser tinbena skola ġdida u mhux wing. Filwaqt li l-Ministru Bartolo ma qalx fejn se tinbena, Chris Said qal li mill-ewwel ħarġet l-aħbar li din ser tinbena flok il-ground tal-futbol li hemm fir-Rabat (ħdejn il-bus terminus u l-playing field u n-naħa ta’ wara ta’ Duke Complex).

Staqsa ma’ min saret il-konsultazzjoni fuq l-għażla tal-post; x’jaħseb il-Ministru għal Għawdex dwar dan il-post; jekk il-Ministru jafx li biex isir dan irid jinbidel il-pjan lokali taċ-ċentru tar-Rabat; u jekk ħadux inkonsiderazzjoni tar-residenti li jgħixu fil-post.

Kompla jistaqsi jekk il-Ministru u l-konsulenti tiegħu ħadux inkunsiderazzjoni l-fatt li f’dan il-post hemm l-akbar parkeġġ ta’ Għawdex u hemm ukoll il-bus terminus, u l-periklu għall-fatt li t-tfal iridu jgħaddu minn fost il-karozzi tal-linja, karozzi u trakkijiet biex jaslu l-iskola.

Staqsa wkoll jekk sarx studju fuq l-effett ta’ dħahen f’dan il-post mill-ammont kbir ta’ karozzi li jkun hemm.
Ikkritika lill-Gvern li wara li fattarha, issa se ssir konsultazzjoni mat-tliet clubs tar-Rabat li jużaw dan il-ground għat-training u għan-nurseries.

Dan hu każ ċar, saħaq ix-Shadow Minister għal Għawdex, li fih il-Gvern qed juri nuqqas serju ta’ konsultazzjoni qabel tittieħed deċiżjoni – każ ieħor ta’ taħwid u nuqqas serju ta’ ippjanar.