John Vella, ta’ 48 sena mir-Rabat Għawdex, ingħata l-libertà kkundizzjonata wara li ġie ordnat iħallas €575 fi żmien xahar għall-ħsara li għamel, filwaqt li ngħata multa komprensiva ta’ €1,000 meta l-Qorti sabitu ħati ta’ diversi akkużi relatati ma’ ħsara volontarja fil-propjetà ta’ Mons Dr Joseph Vella Gauci, fir-Rabat stess, kif ukoll talli kien reċidiv.
Vella nstab ħati wkoll li fixkel lill-Monsinjur fil-pussess ta’ ħwejġu, li indaħal fi ħwejjeġ is-Saċerdot u li kkommetta vjolazzjoni tal-propjetà. Fl-istess waqt, il-Qorti lliberatu bil-kundizzjoni li jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin fil-każ tal-akkuża ta’ serq ta’ mutur għad-dannu ta’ persuni terzi li kienu qed jaħdmu fil-propjetà ta’ Mons Vella Gauci.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, semgħet diversi xhieda dwar kif filati ta’ ġebel u għodda għosfru meta r-raġel kien qed jagħmel xi xogħol infrastrutturali fil-propjetà ta’ Mons Vella Gauci u talli mblokka l-aċċess għall-propjetà meta għalaqha bi trakk waqt li hu kien fiha.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat qal li b’għemilu, Vella sfida l-awtorità tal-Qorti u wera li jemmen li għandu d-dritt jikser il-Liġi. Il-Qorti qalet li r-raġel mhux kapaċi jgħix f’armonija mas-soċjetà ċivilizzata u ma jagħtix każ tal-awtorità.
Il-Qorti tat opportunità lill-ħati biex jagħraf dak li għamel billi tatu piena li mhix ta’ priġunerija. B’hekk jikkontribwixxi lis-soċjetà u anke lill-kwerelant għall-ħsara li għamillu, filwaqt li ordnatlu biex sat-13 ta’ Marzu jneħħi l-inkonvenjent li ħoloq lis-Saċerdot u jerġa’ jagħtih aċċess għat-terrazzin tiegħu. Jekk ma jagħmilx dan, tidħol fis-seħħ multa għal kuljum li jgħaddi.
Il-Qorti enfasizzat ukoll li qegħdet “giljottina” fuq ras Vella, hekk kif priġunerija tibqa’ possibbli għalih jekk ma jagħżilx li jimxi fit-triq it-tajba.
//= $special ?>