L-Europol, l-aġenzija tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea, qalet li mhux magħruf x’sar minn 10,000 tifel u tifla li daħlu fl-Ewropa tul dawn l-aħħar sentejn fl-iżbarki ta’ immigranti.
L-Europol qalet li dawn għebu wara li rreġistraw mal-awtoritajiet konċernati u qatt ma reġgħu semgħu bihom. Hemm suspetti li dawn spiċċaw skjavi ta’ gruppi kriminali biex jintużaw fl-industrija tas-sess kif ukoll f’fabbriki illegali.
Skont ‘Save the Children’, is-sena li għaddiet daħlu fl-Ewropa 26,000 tifel u tifla mal-iżbarki tal-immigranti u li ma kinux akkumpanjati mill-familja tagħhom.
Din kienet l-ewwel darba li l-Europol tat ċifra dwar kemm jista’ jkun hemm tfal ta’ immigranti nieqsa.
L-Europol qalet li mhux bilfors kollha spiċċaw vittmi għaliex hemm xi wħud li jkunu ntbagħtu lejn qraba li diġà għandhom fl-Ewropa imma uffiċjalment dawn sempliċement għebu minn taħt il-ħarsien tal-awtoritajiet.
F’Mejju tal-2015, uffiċjali Taljani ħabbru li mal-5,000 tifel u tifal kienu għebu miċ-ċentri għall-immigranti f’temp ta’ kważi sena. F’Ottubru mbagħad l-awtoritajiet f’Trellebrog fl-Iżvezja qalu li madwar 1,000 tifel u tifla ta’ immigranti li marru fil-belt ix-xahar ta’ qabel kienu għebu.
Apparti minn hekk, il-kelliem tal-Europol qal li mhux eskluż li hemm ammont sostanzjali ta’ tfal ta’ immigranti li għebu mal-wasla tagħhom fil-Greċja u li qatt ma kienu reġistrati.
Il-Greċja kien il-punt tal-wasla għall-maġġoranza ta’ immigranti li daħlu fl-Ewropa tul l-2015 u l-awtoritajiet Griegi kienu kritikati għaliex ħafna minnhom ma kinux qed ikunu reġistrati.
Misteru dwar l-għajbien ta’ 10,000 tifel u tifla
