Lokali

Muscat jibqa’ ma jikkundannax l-attakk ta’ Michael Falzon fuq l-Awditur Ġenerali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ ma kkundannax l-attakk feroċi tal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon fuq l-Awditur Ġenerali. Dan meta, waqt il-programm “Xarabank” tal-Ġimgħa li għadda, Falzon iddeskriva r-Rapport tal-Awditur Ġenerali bħala “porkerija” u “pastażata”, filwaqt li allega li kien vittma ta’ “vendetta politika”.

Iżda minkejja dan l-attakk fuq istituzzjoni indipendenti, imwaqqfa bis-saħħa tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, Muscat illum qal lill-ġurnalisti li Michael Falzon għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu. Barra minhekk, Muscat qal li Falzon wera r-rispett tiegħu meta rriżenja.

Dan minkejja li r-riżenja waslet tmien xhur tard minn meta rapport ta’ investigazzjoni interna mid-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet (IAID) kien diġà rrimarka n-nuqqasijiet fil-każ ta’ espropjazzjoni ta’ propjetà tal-Gvern lil Mark Gaffarena.