Il-park tal-familja li diġà kien hemm il-permessi tal-MEPA għalih, mhux ser isir u minflok din l-għolja ser tinkesa bil-pannelli fotovoltajiċi. Pannelli li ser ikunu jidhru minn kullimkien.
Dan kien ikkonfermat mill-Ministru Leo Brincat meta llejla fil-Parlament wiegeb mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, dwar il-park tal-familja li suppost kien ippjanat li jsir flok il-miżbla tax-Xagħra.
Chris Said staqsa lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima jgħid għaliex ix-xogħol biex dik li kienet il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex, tiġi konvertita f’park tal-familja ma tkompliex, issa li din il-miżbla ilha aktar minn seba’ snin li għalqet. Staqsa wkoll meta hu maħsub li jitkompla dan ix-xogħol.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Leo Brincat iddikjara li l-Gvern iddeċieda li parti sostanzjali mill-art minn dik li qabel kienet il-miżbla tal-Qortin, kellha tiġi trasferita mid-Dipartiment tal-Artijiet lill-Enemalta bil-ħsieb li din tiġi utilizzata għal sistemi fotovoltajiċi. Dan seħħ is-sena li għaddiet.
Din id-deċiżjoni tal-Gvern kienet ikkritikata mix-Shadow Minister Chris Said fl-aġġornament tal-lejla fil-Parlament, li qal li dan hu post li kellu jinbidel f’park biex jitgawda mill-familji Għawdxin.
Fir-reazzjoni immedjata tiegħu, ix-Shadow Minister saħaq illejla li kien sar ħafna xogħol fuqu biex jintuża għal dan l-iskop, inkluż li nkesa bil-ħamrija, iżda li issa ser jispiċċa eyesore minn kull fejn jidher, u s-sit issa jinsab f’idejn il-kumpanija Ċiniża li tmexxi u xtrat l-Enemalta.
//= $special ?>