Fil-Pitkalija teżisti sitwazzjoni xejn sabiħa, bil-bdiewa u l-Pitkala fl-aħħar jiem ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jagħmlu kuntatt mal-media u jirrappurtaw dak li għaddej fil-Pitkalija. Dan hekk kif jirriżulta li reġgħet qed tikber il-problema tal-kaxxi tal-biegħa li qed jinkisru minħabba l-użu, iżda dawn mhux jinbidlu.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li saħansitra hemm kaxxi li ilhom snin twal jintużaw u therrew, iżda xorta qed jingħaddu lill-bdiewa biex jgħabbu fihom il-prodotti tar-raba’. Is-sitwazzjoni qed twassal ukoll biex ta’ spiss qed tiżdied it-tensjoni bejn l-Uffiċjali li jqassmu l-kaxxi u l-bdiewa.
B’hekk jidher li qed tiġi ripetuta l-kwistjoni li kienet inqalgħet matul is-Sajf li għadda, fejn il-problema tal-kaxxi fil-Pitkalija eskalat u baqgħet tkaxkar għal ġimgħat sħaħ sakemm saret waħda akuta. Madankollu, il-problema ma kelliex tirrepeti ruħha, hekk kif is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes kien wiegħed sistema ġdida għal użu aħjar tal-kaxxi tal-Pitkalija.
Jirriżulta li fil-ġimgħat li għaddew inbidel il-grupp li jieħu ħsieb il-ħasil tal-kaxxi użati, b’dawk magħżula huma persuni qrib is-Segretarju Parlamentari Galdes. Iżda minkejja dan it-tibdil, suppost għall-aħjar, numru ta’ bdiewa li tkellmu ma’ NETnews barra l-Pitkalija lmentaw mix-xogħol li qed isir f’dan is-sens.
//= $special ?>

