Internazzjonali

Tibda t-tellieqa lejn il-Presidenza Amerikana

Mil-lum tibda uffiċjalment it-tellieqa li twassal għall-elezzjoni Presidenzjali Amerikana f’Novembru. Dan hekk kif f’Iowa ssir l-ewwel elezzjoni minn sensiela biex jinstabu l-kandidati tal-Partit Demokratiku u Repubblikan għall-elezzjoni ta’ Novembru.
Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, Donald Trump baqa’ l-favorit fost il-partitarji Repubblikani b’Ted Cruz fit-tieni post filwaqt li Hillary Clinton kellha distakk żgħir minn fuq kandidat ieħor għad-Demokratiċi Bernie Sanders.
Imma l-istħarriġ li jsir fl-Istat ta’ Iowa għandu reputazzjoni li jmur żmerċ. Dan minħabba l-proċess kumplikat li bih isir il-vot apparti li n-nies li jmorru jivvutaw ma tantx iħobbu jitkellmu x’se jagħmlu.
Mil-lum jibda l-proċess ta’ votazzjoni fl-Istati Amerikani bl-iskop li mbagħad f’Lulju n-nomina tkun konfermata f’laqgħa tal-partiti rispettivi. F’kull elezzjoni li se tibda ssir minn issa, il-voti li jirbaħ kandidat jissarrfu f’delegati. Delegati li mbagħad jivvutaw għall-kandidat li qed jirrappreżentaw f’elezzjoni simbolika li ssir fil-laqgħa tal-partit ta’ Lulju. Il-kandidat Repubblikan ikollu bżonn 1,237 delegat biex jirbaħ in-nominazzjoni filwaqt li l-kandidat Demokratiku jkollu bżonn 2,383 delegat.
Barack Obama, Demokratiku, peress li serva żewġ mandati ma jistax jerġa’ jikkontesta.
Tul it-triq lejn l-elezzjoni ta’ Novembru, ix-xahar ta’ Marzu aktarx se jkun dak li jħoll u jorbot għall-kandidati. Dan peress li fl-1 ta’ Marzu jsir il-vot biex jintgħażlu l-kandidati rispettivi fi 12-il Stat f’ġurnata waħda filwaqt li fil-15 ta’ Marzu mbagħad isir il-vot fi stati bħal Florida, Ohio u North Carolina u hawn aktarx ikun diġà ċar min se jkun il-kandidat għal Novembru.