Lokali

Tnieda s-sit elettroniku għal The President’s Trust

Tnieda sit elettroniku ġdid li se jservi bħala l-paġna uffiċjali ta’ The President’s Trust fuq l-internet.

Is-sit, www.presidentstrust.org.mt, joffri dettalji dwar x’inhu dan it-trust, l-għanijiet u l-valuri li jħaddan. Għandu wkoll informazzjoni dwar il-proġetti li għaddejjin fosthom dawk bl-ismijiet Blossom Foundation Project, XL Project u Get-Into Project bl-aħħar tnejn isiru b’kollaborazzjoni mat-trust internazzjonali tal-familja rjali Ingliża.

The President’s Trust, imniedi f’Mejju li għadda, inħoloq mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca biex jagħti possibiltà ġdida lil żgħażagħ u lill-familji tagħhom li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja tefgħuhom f’ħajja diffiċli, mingħajr xogħol, marġinalizzati jew f’riskju ta’ faqar. It-trust mistenni jgħin ukoll persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali jew xellfu difirhom mal-liġi, billi jipprovdielhom għajnuna prattika jew finanzjarja biex jagħmlu l-ewwel pass.

It-trust jaħdem fuq bażi ta’ proġetti li jiġu identifikati bħala meħtieġa fil-qasam soċjali u li għalihom tkun saret riċerka, inkluż biex il-proġett ikun wieħed effiċjenti u effettiv fuq diversi snin.

Il-ħolqien tas-sit sar minn Alert eBusiness, Malta.