Kien biss wara li kellha toħroġ direttivi li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija (MPA) ingħatat l-informazzjoni mitluba dwar is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ilbieraħ, l-MPA tat struzzjonijiet lill-Pulizija biex ma jidħlux fil-Faċilità Korrettiva u lanqas iwettqu xogħol ta’ skorta bħala prekawzjoni minħabba l-firxa ta’ virus fil-Ħabs, li l-ġimgħa li għaddiet wassal għall-mewt ta’ priġunier. L-MPA ħarrxet l-azzjoni tagħha minħabba li t-talbiet għal aktar informazzjoni mill-awtoritajiet ġiet injorata.
Kien biss wara li nħarġet id-direttiva li l-MPA ingħatat l-informazzjoni meħtieġa fejn persuni li jaħdmu viċin persuni li jistgħu jkunu infettati jilbsu ‘surgical mask’ normali, isegwu prinċipji stretti ta’ iġjene u jiddisponu mill-maaskra b’mod adekwat.
F’post fuq il-Paġna tagħha fuq Facebook, filwaqt li ħabbret li rtirat id-direttivi, l-MPA qalet li s-saħħa u s-sigurtà tal-Pulizija huma prijorità u mhux se jiġi ttollerat li membri tal-Korp jintbagħtu jagħmlu xogħol li jista’ jesponihom għall-periklu li seta’ ġie evitat b’aktar informazzjoni.
L-MPA qalet li hi diżappuntata li l-informazzjoni li ntalbet mill-awtoritajiet ingħatat bil-miktub wara aktar minn 13-il siegħa u wara li kellha tħarrax il-pożizzjoni tagħha. L-MPA temmet tgħid li se tibqa’ ssegwi din is-sitwazzjoni mill-qrib u se tkun lesta taġixxi jekk jerġa’ jkun meħtieġ.
//= $special ?>

