Lokali Parlament

Ħati ta’ ‘revenge porn’ u Muscat isejjaħlu suldat tal-azzar bi standing ovation u ppremjah b’salarju li jqarreb it-€80,000

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi kkritika bil-qawwa lill-Gvern li filwaqt li hu tajjeb li dan il-Gvern qiegħed iressaq emenda fil-Parlament biex jiddikjara li r-revenge porn hu delitt, il-Prim Ministru ta’ dan l-istess Gvern sejjaħ fl-2014 lil min instab ħati ta’ dan id-delitt bħala suldat tal-azzar, tah standing ovation u ppremjah b’salarju li jqarreb it-€80,000.

Fil-Parlament illejla, Jason Azzopardi sejjaħ din l-imġiba ta’ dan il-Gvern bħala inkonsistenza, artifiċjali u ipokresija politika meta b’id waħda għamel ħaġa, u bl-oħra għamel l-oppost.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi tkellem fil-Parlament wara li l-Ministru Owen Bonnici ntroduċa l-Abbozz ta’ Liġi dwar iċ-ċensura. L-Oppożizzjoni taqbel mal-parti tal-Abbozz li tqis ir-revenge porn bħala delitt, u ma’ artikli oħra fl-Abbozz dwar reati marbuta ma’ pornografija. Mhix taqbel dwar il-proposti tat-tneħħija tad-delitt tal-vilipendju.

Jason Azzopardi qal li l-Ministru Owen Bonnici għamel sew meta ddeskriva dawn lil min jagħmel revenge porn bħala nies bla skruplu u semma l-passjonijiet li jgħaddu fis-silenzju l-va’min iwettaq tpattija fuq l-ekssieħeb jew l-ekssieħba.

Filwaqt li qal li revenge porn hu delitt kattiv b’malizzja u bl-intenzjoni li jferi d-dinjità tà tal-eksmaħbub jew eksmaħbuba, Jason Azzopardi qal li hi ironija u nkonsistenza meta l-Gvern iressaq Abozz ta’ liġi li jgħid li revenge porn hu delitt meta fit-8 ta’ Mejju tal-2014 ma aġixxiex fuq sentenza tal-Qorti tal-Appell li kkundannat persuna sentejn ħabs sospiżi għal sentejn wara li sabitu ħati ta’ revenge porn.

Fakkar li l-istess persuna misjuba ħatja mill-Qorti fuq revenge porn, Muscat uriha bħala xempju, mudell u ta’ eżempju, u sejħilha suldat tal-azzar, ta standing ovation u ta wkoll salarju qawwi fi Brussell li jlaħħaq qrib it-€80,000.

Meta kompla jitkellem dwar l-emendi proposti mill-Gvern, Jason Azzopardi spjega li l-Oppożizzjoni taqbel li l-komunità artistika għandha taħdem f’aktar libertà u serħan il-moħħ biex tesprimi ruħha fit-teatru u d-dramm, iżda rrimarka li l-parti tal-liġi li qed tneħħi d-delitt tal-vilipendju tar-reliġjoni qed titkellem fuq liġi aktar wiesgħa. Ikkritika lill-Gvern li dan qed isir fil-kuntest tal-massakru terroristiku li seħħ f’Novembru li għadda fi Franza.

Irrimarka wkoll li dan l-Abbozz il-Gvern qed iressqu meta hemm abbozzi ta’ liġijiet oħrajn aktar importanti li ilhom aktar jistennew, u li baqa’ ma ressaqx għad-dibattitu fil-Parlament.

Fost il-liġijiet importanti li l-Gvern ħalla fuq l-ixkaffa, Jason Azzopardi semma l-Abbozz ta’ Liġi li jagħti vuċi lit-tfal u li jħares lit-tfal, u li ilu jistenna aktar minn 20 xahar biex jiġi diskuss fil-Parlament.