Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu Gaffarena, joħorġu għoxrin punt li flimkien, jikkonfermaw kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat huwa l-iktar Gvern korrott fl-istorja politika. Waqt konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi fakkar li Joseph Muscat hu l-ewwel Prim Ministru mill-Indipendenza ‘l hawn li żamm l-artijiet fid-dekasteru tiegħu.
L-20 punt li jikkonfermaw il-korruzzjoni huma dawn:
1. Kien hemm tbagħbis fil-minuti
2. Għall-ewwel darba, ma kienx il-Gvern li beda l-esproprju, iżda Gaffarena li nstigah
3. L-istimi taż-żewġ propjetajiet mogħtija bi ħlas għat-tieni kwart saru qabel Gaffarena xtara dan l-istess tieni kwart
4. Gaffarena xtara t-tieni kwart għaliex kien jaf li l-Gvern se jesproprjah mingħandu
5. Il-Politiku ltaqa’ ma’ Gaffarena f’Kastilja u bagħat lill-“King tal-Lands” jakkumpanjah.
6. Il-Gvern ma kkunsidrax alternattivi għax-xiri ta’ nofs binja
7. Kastilja aċċettat is-suġġerimenti ta’ Gaffarena li nofs il-binja kienet tajb għal mużew jew ministeru
8. Ma kien hemm ebda skop pubbliku biex il-Gvern jixtri żewġ kwarti ta’ dar
9. Il-politiku naqas b’mod assolut li jivverifika jekk kienx hemm skop pubbliku
10. Ma nxtara xejn tanġibbli u nxtraw biss iż-żewġ kwarti ta’ Gaffarena
11. L-Awditur Ġenerali ma sab ebda minuti li nżammu laqgħat ma’ Gaffarena
12. Id-Dipartiment tal-Lands gideb lill-Awditur meta qallu li xtar kwart biss għaliex ma kellux flus, meta flus kellu biex jixtri l-binja kollha f’daqqa.
13. Il-Politiku ffirma darbtejn f’temp ta’ xahrejn biex jinstara kwart indiviż mill-istess persuna fejn ma kien hemm ebda skop pubbliku ivverifikat.
14. Ma saritx stima tal-binja bħala bini storiku, meta din tfisser frankar ta’ flus.
15. Il-politiku kien imiwissi diversi drabi minn żewġ uffiċjali għolja tal-Lands li esprimew “riżervi kbar” u “tħassib gravi”
16. Id-deals saru b’għaġġla fenomenali
17. Kien hemm konfoffa ma’ Gaffarena (collusion)
18. Kien Gaffarena li għażel l-artijiet li ried mingħand il-Gvern
19. Kastilja u l-uffiċjali tal-Lands iddikjaraw mal-Awditur Ġenerali li huma ma ddiskutewx xi skop pubbliku li seta’ kien hemm wara dan l-esproprju
20. Il-Politiku ġie kkritikat mill-Awditur Ġenerali li naqas li jassigura li qed jitħares l-interess nazzjonali
Jason Azzopardi tenna s-sejħa li għamel il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami l-ġimgħa li għaddiet li l-Pulizija għandha tinvestiga Kastilja, fejn inħema dan l-iskandlu. Mistoqsi min għandu jiġi nvestigat meta ssir referenza f’Kastilja, Jason Azzopardi qal li f’każi bħal dawn “the buck stops with the Minister” u f’dan il-każ partikolari, il-Ministru konċernat huwa l-Prim Ministru nnifsu.
Min-naħa tiegħu, il-kandidat tal-elezzjoni ġenerali Hermann Schiavone qal li l-mistoqsija fuq fomm kulħadd hi x’ħallas u lil min ħallas Gaffarena biex ingħata rigal ta’ €3.5 miljun mit-taxxi tal-poplu. Hermann Schiavone sostna li kif spjega li l-Kap tal-PN Simon Busuttil, dan l-iskandlu jikkonferma l-mafja li teżisti għaliex jirriżulta li Gaffarena għandu kontroll fuq il-Lands, il-Pulizija u anke fuq Kastilja.
//= $special ?>

