Lokali Qorti

Anzjan immultat talli darab ċiklist bis-sewqan tiegħu

Anzjan ta’ 72 sena ġie mmultat €1,000 wara li l-Qorti sabitu ħati li, bis-sewqan negliġenti tiegħu, darab lil ċiklista.

Il-każ seħħ f’inċient fl-Għarb, f’Għawdex f’Ġunju li għadda.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, semgħet kif Joseph Camilleri, ta’ 72 sena minn Ta’ Kerċem, kien qed isuq fi Triq l-Għarb meta laqat liċ-ċiklist Marvic Mizzi. Mizzi hu atleta li jikkompeta f’kampjonati nazzjonali. Minbarra ħsara lir-rota, Mizzi ndarab b’mod serju f’wiċċu nkluż b’diversi snien imkissra.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat ħeġġeġ iktar prudenza fit-toroq, speċjalment dwar persuni li jkunu mexjin jew isuqu roti fl-istess toroq. Irrimarka li hu għalxejn li persuni jiġu mħeġġa jużaw modi alterattivi ta’ trasport, bħal roti, jekk ikunu suġġetti għal riskji kbar minħabba sewqan negliġenti.

Il-Qorti ordnat ukoll is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan tal-anzjan għal tmint ijiem.