Għawdex Lokali

Ikollu jirriżenja minn ‘position of trust’ ma’ Justyne Caruana wara akkużi li kkopja illegalment dokument personali mill-Isptar ta’ Għawdex

Impjegat fis-Segretarjat Privat ta’ Justyne Caruana kellu jirriżenja mill-kariga wara li kien akkużat li kkopja dokumenti personali dwar saħħet persuna mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Ivan Abela (ritratt), mill-Qala, kien impjegat fis-Segretarjat ta’ Justyne Caruana b’position of trust mis-Segretarju Parlamentari. Hu qed jiġi akkużat li uża l-pożizzjoni uffiċjali li kellu biex kiseb kopja ta’ dokumenti personali u ppreżentahom quddiem Tribunal li kien qed jitratta każ mhux relatat ma’ xogħolu.

Quddiem it-Tribunal, Abela għażel li ma jweġibx minfejn ġab id-dokuenti. Madankollu, kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa kien kwotat minn The Times li għalkemm hu kkonfermat li d-dokument kien ikkupjat illegalment, għad m’hemmx konferma li dan l-att sar minn Abela.

U minkejja dan l-att illegali, il-kelliem tal-Ministeru tas-Saħħa qal li l-Pulizija qatt ma ssejħu biex jinvestigaw il-każ. Sostna biss li Abela rriżenja biex ikun jista’ jiddefendi ismu quddiem l-awtoritajiet. Fl-istess waqt, il-kelliem insista li Abela ma jifformax parti mis-Segretarjat ta’ Justyne Caruana.

Dan minkejja li hu kien ingħata l-impjieg fuq bażi ta’ fiduċja mill-istess Segretarju Parlamentari.