Il-Gvern ħallas €15,000 lill-kumpanija legali Stibbe biex tgħinu jirbaħ il-każ quddiem il-Qorti Ewropea wara d-deċiżjoni tal-istess Gvern li jerġa’ jintroduċi l-insib tal-isponsuni.
Il-ġurnal Malta Today żvela dan bis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes jgħid li l-ispejjeż legali tħallsu minn fondi li l-Gvern jiġbor permezz tal-liċenzja spjeċjali għall-insib.
Il-Gvern ħallas ukoll €495.60 f’assistenza legali lill-kumpanija legali Maltija CCX Advocates, li hi ta’ Leonard Caruana li ta diversi pariri legali lill-Gvern Malti matul is-snin dwar il-liġijiet tal-kaċċa u l-insib.
Skont Malta Today, informazzjoni mill-FKNK turi li hemm 1,584 persuna li għandhom liċenzja ġenerali tal-insib li jekk iridu jonsbu għal sponsuni, song thrush jew golden plover iridu jħallsu €20 kuoll wieħed fis-sena għal-liċenzja speċjali. Dan ifisser €31,680 fis-sena jekk kull nassab japplika għal din il-liċenzja.
Galdes ikkonferma li l-Gvern Malti qed jitratta dan il-każ bl-istess mod li ttratta dak tal-kaċċa, bl-involviment tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-Kummissjoni Ewropea se tkun rappreżentanta mill-avukat Malti Ken Mifsud Bonnici u mill-avukat Ġermaniż Christoph Hermes. BirdLife Malta trid tassisti lill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-każ imma qed issibha diffiċli takkwista mingħand il-Gvern informazzjoni kruċjali dwar l-insib.
L-insib tal-isponsuni hu pprojbit mill-UE u twaqqaf f’Malta fl-2009, skont it-trattat Ewropew għad-dħul ta’ Malta fl-UE. Imma l-Gvern Laburista, fl-2014, reġa’ daħħal l-insib fuq seba’ speċi tal-għasafar slavaġ meta assuma li jista’ jkollu deroga mil-liġi Ewropea bl-istess mod li hemm deroga dwar il-kaċċa.
//= $special ?>

