Lokali Parlament

Il-Gvern irid f’siegħa jiddiskuti biss il-mozzjoni tiegħu dwar il-ħatra ta’ Chairperson tal-Kumitat dwar l-Ambjent

Jirrifjuta li jiddibatti l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li qed jipproponi lil Marlene Farrugia

Il-Gvern irid li jiddiskuti biss il-mozzjoni tiegħu, u ma jiddiskutix il-mozzjoni mressqa fil-Parlament mill-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar il-ħatra ta’ Chairperson tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Il-Gvern irid ukoll li l-mozzjoni tiegħu tiġi diskussa f’siegħa u mhux f’seduta sħiħa.

F’laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li għadha kemm intemmet, il-Whip tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, qal li l-Gvern mhux jaqbel lil għandha tiġi diskussa l-mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex tinħatar id-deputat indipendenti Marlene Farrugia fil-kariga ta’ Chairperson ta’ dan il-Kumitat, liema kariga kienet tokkupa sakemm irriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista u mill-Partit Laburista f’Novembru li għadda.

Wara din il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex tmexxi dan il-Kumitat kif kienet ilha tmexxi sa minn April tal-2013, kien hemm l-appoġġ ukoll għal din in-nomina mill-NGOs u l-għaqdiet ambjentali, b’Marlene Farrugia kienet ukoll esprimiet l-apprezzament tagħha għal din in-nomina.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco ppropona li d-diskussjoni dwar il-ħatra tal-aktar Chairperson importanti tal-Kumitati Parlament, jimmerita li tieħu seduta sħiħa u mhux biss siegħa, bil-Whip tal-Gvern jibqa’ jinsisti li siegħa hu biżżejjed u jekk għandu jiżdied il-ħin jiżdied bi ftit iżda żgur li għal seduta sħiħa.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni, David Agius, insista li l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni għandha tiġi diskussa u jekk le, l-Oppożizzjoni għandha l-ġurnata tagħha li fiha tista’ tressaq mozzjonijiet hi.

L-Oppożizzjoni irreġistra nuqqas ta’ qbil dwar il-mod li bih irid jimxi l-Gvern fil-ħatra ta’ Chairperson ta’ dan il-Kumitat Parlamentari.

Fil-mozzjoni tiegħu, il-Gvern innomina lill-eks-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca fil-kariga ta’ Chairman tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, minflok Marlene Farrugia.