Il-Gvern għażel li ma jweġibx żewġ mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni fil-Parlament u jikkonferma jekk iż-żewġ nomini għal Maġistrati li tħabbru aktar kmieni llum mill-Gvern, humiex skont il-liġi u skont il-Kostituzzjoni.
Il-Ministru Owen Bonnici, responsabbli mis-settur tal-Ġustizzja, iddikjara biss fil-Parlament li m’għandux stqarrijiet x’jagħmel dwar iż-żewġ ħatriet li ħabbar il-Gvern biex jidħlu fil-kariga ta’ Maġistrat.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi staqsa fil-bidu tas-seduta tal-lejla, jekk il-Ministru Owen Bonnic għandux stqarrijiet x’jagħmel dwar in-nomini mħabbra, u jekk ġietx osservata l-Kostituzzjoni u l-Liġi.
Jason Azzopardi staqsa jekk kinux osservati l-liġijiet meta waħda mill-persuni nominati mill-Gvern hi membru fl-Employment Commission u l-Kostituzzjoni tgħid li persuna ma tistax tkun eliġibbli għal kariga pubblika qabel tliet snin minn meta tkun ħalliet il-kariga li kienet tokkupa. Staqsa wkoll jekk persuna tistax tkun f’kariga ta’ Maġistrat qabel seba’ snin mill-warrant ta’ avukat.
Quddiem it-tweġiba tal-Ministru Bonnici li rrifjuta li jagħti spjegazzjoni u jwieġeb fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-istess Ministru jidhirlux li għandu jirritorna lura f’postu fil-Parlament, meta għadu fil-ħin li jagħmel dan, u jwieġeb għal mistoqsijiet ċari fuq materja serja u fuq materja Kostituzzjonali.
Għar-rimarki tal-Ministru Bonnici li qal li kien qiegħed isegwi r-regolamenti tal-Kamra u ma jweġibx wara li qal li m’għandux stqarrija x’jagħmel, Simon Busuttil fisser ukoll li fil-Kamra kollox jista’ jsir u hu possibbli bi ftehim. Saħaq li l-Ministru Bonnici għandu jagħti tweġiba fuq materja importanti.
Quddiem dawn il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rtira mill-Kamra minħabba li waħda mill-persuni nominati hi t-tifla tiegħu.
Is-Sedja, ippreseduta mid-Deputat Speaker Ċensu Galea, saħaq li fin-nuqqas ta’ ftehim min-naħa tal-Gvern, u bil-pożizzjoni li ħa l-Gvern, ladarba m’hemmx qbil, is-Sedja trid tkompli bix-xogħol tagħha fil-Kamra.
//= $special ?>