Kien hemm persuna waħda li tilfet ħajjitha fuq il-post tax-xogħol matul l-aħħar tliet xhur tal-2015. Fl-istess tliet xhur ta’ sena qabel ma kien hemm ebda inċident fatali.
Dan joħroġ mill-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-aħħar kwart tas-sena li għaddiet. Ir-rapporti li saru lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol juru li l-inċidenti naqsu minn 782 fl-aħħar tliet xhur tal-2014 għal 771 bejn Ottubru u Diċembru li għaddew.
L-NSO qal li l-maġġoranza ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, li fihom ma kienx hemm vittmi, seħħew fil-manifattura (20.4%) u 16.1% fis-settur tat-trasport u l-imħażen. Qal ukoll li mqabbel ma’ sena qabel, in-numru ta’ inċidenti fl-attivitajiet marbuta mas-servizzi tal-ikel u l-akkomodazzjoni naqsu b’25 imma żdiedu bi 32 fil-qasam amministrattiv.
L-NSO qal ukoll li l-maġġoranza tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol f’dawn l-aħħar tliet xhur tas-sena kienu jinvolvu persuni li jagħmlu xogħol elementari, segwit minn dawk fl-artiġġjanat u xogħol tas-sengħa.
L-inċidenti affettwaw l-iktar l-idejn fosthom is-subgħajn, b’feriti, dawk superfiċjali u uġiegħ fl-għadam jew fil-muskoli jkunu l-iktar komuni.
Iktar minn terz tal-inċidenti (37.2%) seħħew f’intrapriżi li jimpjegaw 500 ħaddiem jew iktar.
//= $special ?>

