Lokali Qorti

Jitlob lill-Qorti terġa’ tisma’ l-ġuri li bagħtu 18-il sena ħabs

Raġel li qed iservi 18-il sena ħabs qed jitlob lill-Qorti terġa’ tisma’ l-każ tiegħu hekk kif qed isostni li nstab ħati tar-reat minħabba d-dikjarazzjoni li hu kien ta lill-Pulizija meta ma kienx fil-preżenza tal-avukat.

Fl-2010, ġuriija sabet lil Stephen Pirotta, illum ta’ 46 sena, ħati talli ta daqqiet ta’ sikkina f’sider persuna f’karozza wara li ħebb għalih fit-triq f’Ħal Qormi. Il-vittma kien qed jipprotesta ma’ Pirotta li meta r-raġel qalgħu bil-karozza, laqatlu l-mera tal-ġemb. Fil-Qorti dakinhar kien instema’ kif il-vittma, ħames snin qabel, ipprova jasal bil-karozza tiegħu fl-isptar San Luqa imma ħassu ħażin meta kien wasal il-Ħamrun. Kien ittieħed l-isptar b’ambulanza u ħajtu ġiet salvata minħabba intervent f’waqtu.

Issa, Pirotta fetaħ każ kontra l-Avukat Ġenerali u kontra l-Kummissarju tal-Pulizija jitlob li l-ġuri jerġa’ jinstema’ mill-ġdid. Ir-raġel qed jinsisti li meta ta l-istqarrija lill-Pulizija, f’Settembru tal-2005, ma kienx ingħata d-dritt ta’ assistenza legali u li l-ammissjoni tiegħu kienet kruċjali għax-xhieda għax kieku l-każ aktarx ma kienx jiġi solvut.

Minkejja li meta seħħ l-inċident, il-liġi Maltija kienet għadha ma tagħtix id-dritt tal-assistenza legali, l-avukati tar-raġel qed jikkwotaw sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li qalet li n-nuqqas ta’ dan id-dritt hu ksur tad-drittijiet fundamentali. Ikkwotaw sentenza oħra tal-istess Qorti fl-2008 li tgħid li l-aħjar mod kif tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni hi li jerġgħu jinfetħu l-proċeduri legali.

It-talba ta’ Pirotta ġiet iffirmata mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Amadeus Cachia, u mill-Prokuratur Legali Gerald Bonello.