Mhux kulħadd qed iħoss l-effetti tal-ekonomija. Sostna dan fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għall-konferenza stampa tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna
La l-ekonomija, skont Edward Scicluna, sejra tajjeb, wieħed jistaqsi għaliex Joseph Muscat qed iwebbes rasu u jżomm il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel fost l-ogħla fl-Ewropa. Meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fil-livell li jinsab fih bħalissa, l-prezz tad-diesel kien nofs dak li hu bħalissa. Filwaqt li l-prezz tad-diesel illum hu ta’ €1.22, dak iż-żmien, il-prezz kien ta’ €0.61, waqt li filwaqt li l-prezz tal-petrol illum hu ta’ €1.32, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livelli ta’ issa, l-prezz kien ta’ €0.83.
L-istqarrija tkompli li għall-fatt li t-tkabbir fil-Prodott Gross Domestiku kien iġġenerat b’mod predominanti mill-impjiegi u l-pagi fl-amministrazzjoni pubblika. Fil-fatt, skont ċifri ppubblikati għat-tielet kwart tas-sena li għaddiet, kważi nofs iż-żieda fid-dħul irriżultat mill-amministrazzjoni pubblika. Dan mhux sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien. L-uniku settur privat li esperjenza żieda fil-pagi huwa dak tas-servizzi finanzjarji.
Il-PN qal li minkejja li l-Ministru qed jiprova jgħatti ż-żieda straordinarja ta’ nies jaħdmu maċ-ċivil, l-Fond Monetarju Internazzjonali ma emminx din l-iskuża. F’rapport dettaljat ix-xahar li għadda, l-IMF irrapporta li ż-żieda qawwija fin-nefqa rikorrenti tal-Gvern se tagħmilha sfida akbar biex il-Gvern jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu. L-IMF ta parir lill-Gvern biex il-pagi fiċ-Ċivil ma jiżdiedux fis-snin li ġejjin. In-nefqa rikorrenti tal-Gvern fl-2016 mistennija tkun ta’ 29% aktar mill-2012.
L-istqarrija tkompli li l-Ministru qed jerġa’ jkun irresponsabbli u insensittiv fil-konfront ta’ għexieren ta’ eluf ta’ persuni li jaħdmu fis-settur tal-manifattura, meta jibqa’ juża l-frażi “l-ammont ta’ impjiegi baqa’ stabbli”. Dan żgur li ma jserraħx moħħ il-mijiet ta’ ħaddiema li se jitilfu posthom fid-De La Rue, kif ukoll l-eluf l-oħra fis-settur li għalkemm ma tilfux l-impjieg, raw il-kundizzjonijiet tagħhom imorru għall-agħar bi tnaqqis fil-pagi u telf ta’ xiftijiet u overtime li jippermettulhom dħul aħjar. Ċifri ppubblikati fl-aħħar ġimgħat juru li l-produzzjoni industrijali u l-esportazzjoni baqgħu f’livelli baxxi, u t-tkabbir limitat tas-sena li għaddiet ma kienx biżżejjed biex jiġi rkuprat it-telf kbir li sar fl-2013 u fl-2014.
Dan kollu juri li l-istampa ekonomija hija waħda mħallta. Għalkemm il-pajjiż qed igawdi mill-andament ekonomiku internazzjonali pożittiv, il-Gvern jidher ma jinteressah xejn mis-sostenibbilita’ ta’ pajjiżna, u mhu qed jieħu ebda passi biex isaħħaħ l-ekonomija għall-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>

