Il-Prim Ministru Irlandiż Enda Kenny ħabbar li fis-26 ta’ Frar se ssir elezzjoni ġenerali bikrija.
Dan hekk kif l-ekonomija tal-pajjiż bdiet tirpilja u l-partit Fine Gael ta’ Kenny jinsab minn ta’ quddiem fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika. Elezzjoni li mistennija toffri sfida iebsa għall-Partit Laburista, membru tal-koalizzjoni tal-Gvern, peress li mhux sejjer tajjeb fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Imma hemm tħassib li din l-elezzjoni tista’ twassal għal instabbiltà politika peress li ħadd mill-partiti m’hu mistenni jġib maġġoranza u lanqas biżżejjed siġġijiet għall-koalizzjoni oħra stabbli tal-Gvern.
Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-Fine Gael għandu l-appoġġ ta’ madwar 30 fil-mija tal-elettorat filwaqt fit-tieni post hemm kemm il-Fianna Fail u Sinn Fein b’madwar 20 fil-mija tal-voti filwaqt li l-Partit Laburista jinsab mwaħħel b’madwar għaxra fil-mija tal-appoġġ.
Jekk l-affarijiet ma jinbidlux, dan iħalli lil Fine Gael u l-Labour b’għaxar siġġijiet anqas biex ikun hemm xi forma ta’ alleanza li jkollha l-maġġoranza fil-Parlament.
Tissejjaħ elezzjoni ġenerali fl-Irlanda
