Internazzjonali

Tnejn jindarbu hekk kif splużjoni tħalli toqba f’ajruplan fl-ajru

Ajruplan tal-passiġġieri kellu jagħmel inżul t’emerġenza wara li splużjoni abbord ħalliet toqba fil-parti ċentrali tiegħu. Skont esperti tal-avjazzjoni, it-toqba hi simili għal waħda kkaġunata minn splussiv.

Anke l-pilota tal-istess ajruplan qal li jaħseb li kienet bomba li splodiet ftit biss wara li l-ajruplan ħalla l-ajruport ta’ Mogadishu fis-Somalja. Spjega li l-fatt li l-makkinarju li jikkontrolla l-ajruplan ma ġiex mittiefes għen biex hu seta’ jdur lura. L-ajruplan hu ta’ Daallo Airlines u kien fi triqtu lejn Djibouti,

Żewġ persuni ndarbu b’mod ħafif waqt li l-74 persuna abbord, inkluż l-ekwipaġġ tal-ajruplan, ġew evakwati dritt wara li l-ajruplan reġa’ niżel l-art. Rapporti mhux konfermati qalu li passiġġier waqa’ mit-toqba li ħalliet l-isplużjoni. Pulizija fil-villaġġ ta’ Balad, madwar 30 kilometru fit-tramuntana ta’ Mogadishu, qal li residenti sabu l-katavru ta’ anzjan li seta’ waqa’ mill-ajruplan.

Id-Deputat Ambaxxatur tas-Somalja għan-Nazzjonijiet Uniti, Awale Kullane, li kien fuq l-ajruplan, qal li f’ħin minnhom instema’ ħoss qawwi u għal ftit sekondi l-ajruplan imtela’ bid-duħħan. Qal ukoll li meta l-arja ċċarat raw li kien hemm parti sostanzjali mill-ajruplan li kienet nieqsa.

John Goglia, eksmembru tal-US National Transportation Safety Board, u espert tal-avjazzjoni, qal li hemm żewġ affarijiet li setgħu kkaġunaw it-toqba fl-ajruplan li dehret f’ritratti fuq l-internet – jew bomba jew inkella possibiltà li l-parti esterna tal-ajruplan iċċedi minħabba ż-żmien.

Speċifika imma li f’każ ta’ din tal-aħħar, ma jkunx hemm nugrufun madwar it-toqba. Qal ukoll li l-fatt li dak li ġara, ġara waqt li l-ajruplan kien għadu tiela ’l fuq u qabel il-massimu tal-pressjoni tal-arja, jagħmel din tal-aħħar bħala xi ħaġa improbabbli.