Lokali Parlament

Trasport pubbliku agħar wara tliet snin

…Poplu mhux moqdi, l-Ispanjoli jikkmandaw u jixxamplaw fis-sussidju, il-Ministru jbaxxi rasu u x-xufiera f’kalvarju

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli kkritikat lill-Gvern Laburista li wara tliet snin mill-wegħda tar-roadmap għat-trasport pubbliku, rajna Gvern jagħmel biss riforma, fuq riforma tal-istess riforma, bit-trasport pubbliku jmur għall-agħar, lill-Ispanjoli jikkmandaw u xxamplati bis-sussidju filwaqt li x-xufiera jbatu minn kundizzjonijiet inġusti u ta’ tbatija.

Filwaqt li semmiet aktar problemi li n-nies qed igergru fuqhom, bħalma huma r-rotot u l-vjaġġi li mhux isiru, Martese Portelli qalet illejla fil-Parlament, li għaddew tliet snin li fihom rajna lill-Gvern jagħmel riforma, fuq riforma tal-istess riforma, u rajna wkoll lill-Ispanjoli jikkmandaw, il-Ministru jbaxxi rasu u l-pubblku jbati.

Min juża t-trasport pubbliku mhux moqdi u jaf li bejn dak li wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni hemm baħar x’jaqsam, u kulħadd jgħid li morna għall-agħar.

Dan qed jirriżulta u jingħad ukoll fil-gazzetti u fil-midja soċjali. In-nies ta’ kull età qed jgħidu u jilmentaw li mhux moqdija. Il-kunsilli lokali wkoll qed jgħidu li qed jirċievu ħafna lmenti.

F’eżempji li tat dwar dak li qed jingħad fuq il-midja soċjali, Marthese Portelli semmiet dak li qalet persuna minn Ħaż-Żebbuġ li kkummentat li r-rotot tbiddlu għall-agħar, persuna mill-Mosta tikkummenta kif l-ilmenti qed isiru minn kullimkien u li l-ilmenti mhux qed jiġu mismugħa u li kull bidla ssir għall-agħar. Persuna oħra mill-Fgura tkellmet dwar Tal-linjakard u lmentat li minkejja l-ilmenti kollha li ressqet, qatt ma kellha tweġiba. Persuna oħra kitbet f’The Times li l-ilmenti mhuma jwasslu mkien.

Semmiet ukoll is-survey ippubblikat fil-Malta Today li wera li t-trasport hu wieħed mill-aktar li jinkwieta n-nies. Survey ieħor tal-gazzetta Illum juri li 75% li jużaw tal-linja jgħidu li s-servizz mar għall-agħar – tlieta minn kull erbgħa qalu li t-trasport mar għall-agħar.

Semmiet il-kummenti li għamlet eksattivista u ekskunsilliera Laburista magħrufa li qalet li s-servizz tat-trasport pubbliku hu falliment totali mill-bidu sal-aħħar, u li kieku l-Ministru Joe Mizzi kien fuq id-distrett tagħha lanqas biss kienet toħroġ tivvota. Dan kollu, qalet ix-Shadow Minister Marthese Portelli, quddiem Ministru li jibqa’ jgħid li t-trasport qed jitjieb.

Filwaqt li semmiet aktar problemi li n-nies qed igergru fuqhom, bħalma huma r-rotot u l-vjaġġi li mhux isiru, Marthese Portelli semmiet mistoqsija parlamentari li għamlet lill-Ministru Joe Mizzi u li baqa’ ma weġibx dwar liema kienu r-rotot li nqabżu għal xi raġuni jew oħra. Filwaqt li ma weġibx la meta saret l-ewwel darba f’Ġunju tas-sena l-oħra u lanqas meta reġgħet saritlu f’Ottubru, Marthese Portelli qalet li jew il-Ministru veru ma jafx u l-Ispanjoli vera qed jagħmlu li jridu, jew jaf u ma jridx jgħid għaliex in-numri mhumiex sbieħ.

Il-poplu jistenna titjib għaliex hekk ġie mwiegħed u għaliex is-sussidju trippla

Fissret li l-poplu għandu raġun jistenna servizz tajjeb għax hekk ġie mwiegħed. Poplu wkoll li qed jistenna titjib għaliex is-sussidju trippla u tela’ minn €10 miljun għal €30 miljun.

Sellmet lix-xufiera fis-servizz tat-trasport pubbliku għat-tbatijiet u l-kundizzjonijiet li qed jaħdmu fihom. Irrimarkat li filwaqt li issa nafu f’liema kundizzjonijiet qed jaħdmu dawn il-ħaddiema u l-multi impost fuq ix-xufiera, mhumiex magħrufa l-multi tal-kumpanija, u ma nafu xejn dwarhom.

Semmiet sitwazzjoni ta’ xufiera li lmentaw li m’għandhomx fire extinguisher, iżda jiġu mġiegħla joħorġu xorta fuq ir-rotot; u xorta u jeħlu l-multi.

Ikkritikat lill-kumpanija Spanjola li għandha arloġġ b’29 siegħa kuljum u mhux 24 siegħa, meta roster ta’ xufiera ħareġ fuq arloġġ ta’ 29 siegħa biex ma titħallasx żejjed għax daħlet fir-rest tagħha u l-għada kienet xogħol. Ikkritikat lill-Gvern li qed jidħak bil-ħaddiema u jippretendi li l-ħaddiema jibqgħu siekta.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli saħqet li “dan mhux sew, il-poplu mhux moqdi, ix-xufiera għaddejjin minn kalvarju u l-Ispanjoli ixxamplati bis-sussidju.”

Iddikjarat fil-Parlament li se tkompli tikxef l-inġustizzji u t-tbatijiet tal-ħaddiema.