Ambjent Lokali

Aġġornata: Skont l-FKNK il-Maltapost qed tiddiskrimina, il-kumpanija twieġeb għall-akkużi

Fi stqarrija l-FKNK qalu li qed jiġu diskriminati mill-fergħat tal-Maltapost hekk kif huma qalu li meta kaċċatur jew nassab imur f’xi fergħa tal-Maltapost biex iħallas il-liċenzji relatati, liema ammont qatt ma jkun inqas minn €50, u jista jasal anki sa €260, dan jiġi infurmat li ma jistax iħallas b’ċekk, imma bilfors bi flus kontanti.

Huma qalu li dan mhux ġust għalhiex meta xi ħadd imur biex iħallas għal xi servizzi li toffri l-Maltapost, bħal per eżempju, ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, dak li jkun jista’ jħallas jew b’ċekk jew bi flus kontanti.

Għaldaqstant, il-FKNK qalet li kemm id-deċiżjoni, kif ukoll l-ordni li ngħatat lill-impjegati tal-Maltapost, biex għall-ħlas tal-liċenzji tal-kaċċa u l-insib ma jaċċettawx għajr flus kontanti, la kienet waħda għaqlija, la ġusta, u tista tkun att kontra d-drittijiet tal-bniedem, apparti diskriminatorja.

Maltapost twieġeb l-akkużi tal-FKNK
Intant f’reazzjoni għal dan l-MaltaPost qalet li għal kulħadd ma’ taċċettax pagamenti ta’ ċekkijiet għal ammonti restritti u li jkunu għal ċerti prodotti partikolari. Il-kumpanija qalet li l-liċenzji tal-kaċċaturi u n-nassaba huwa vijabbli għal żmien qair u din il-prattika hija xi ħaġa normali li huma jaċċettaw biss flus kontanti u mhux cekkijiet.