Internazzjonali

Arresti ta’ rġiel suspettati dwar rabtiet mal-ISIS fil-Ġermanja

Il-Pulizija fil-Ġermanja arrestat żewġ irġiel Alġerini li, possibbilment, għandhom ir-rabtiet mal-ISIS. Dan seħħ wara rejds fl-inħawi ta’ Berlin, Hanover u Attendorn, bil-pulizija qed tfittex għal żewġ irġiel oħra.

L-azzjonijiet fl-interessi tas-sigurtà seħħew wara li l-pulzija ngħataw informazzjoni speċifika mingħand il-membri tas-servizzi sigrieti tal-Ġermanja. Sadanittant, il-Pulizija Ġermaniża qalet, fi stqarrija, li ‘l-grupp tal-irġiel partikolari hu suspettat li kien qed jippjana azzjoni meqjusa bħala theddida serja għas-sigurtà tal-Istat’.

Skont l-istampa Ġermaniża, wieħed mis-suspettati kien residenti f’ċentru ta’ Attendorn li jipproċessa r-refuġjati. L-awtoritajiet f’din il-lokalità rreferew ukoll għal numru ta’ telefons ċellulari u kompjuter ‘li spiċċaw ikkonfiskati’ fiċ-ċentru.

L-arresti seħħew fil-bidu tal-Weiberfastnacht – jew aħjar iċ-ċelebrazzjoni tal-karnival fil-Ġermanja mqassma fuq diversi jiem u li tikkonkludi nhar l-Erbgħa, l-10 ta’ Frar.