BLOGS

Edukazzjoni + Ambjent

Kritiku artistiku jew letterarju jagħraf li l-evalwazzjoni tax-xogħol quddiemu tibda appuntu meta jkun lil hinn mix-xogħol innifsu. L-apprezzament imur lil hinn minn sempliċiment ftit ħsibijiet imma huwa qafas strutturat tal-ħsieb li jevolvi quddiem is-sura evalwata. Fi kliem ieħor, l-analiżi ma għandha qatt tkun f’ħabta ta’ mument, imma għandha tieħu ż-żmien sakemm l-idea tinħakem mill-ħsieb profond.

Il-Konvenzjoni Ġenerali ta’ ftit Ħdud ilu li ttrattat l-ambjent fis-sens wiesa’ tiegħu, waslet u għaddiet, imma l-istess bħall-evalwazzjoni ta’ xogħol artistiku jew letterarju, l-idea dwar l-ambjent li ressaq għad-diskussjoni l-Partit Nazzjonalista huwa biss il-preambolu ta’ diskussjoni li ma tistax tkun definita llum, imma jeħtiġilha ż-żmien biex issib il-bażi tagħha l-ewwel nett, fl-għeruq tal-kultura Maltija li minkejja l-ispazji ristretti tagħna, ma jidhirx li aħna konxji biżżejjed mill-importanza tal-ambjent li jdawwarna.

Il-Konvenzjoni tilħaq il-qofol tagħha, jekk kemm-il darba dak li nstema’ tul it-tlett ijiem ta’ diskussjoni, ikun attwalment analizzat u finalment, imressaq ‘il quddiem bħala idea konkreta li tkun tista’ titgawda minn uliedna, għada pitgħada. Matul il-konvenzjoni, mid-diversi esponenti li semmgħu leħinhom, u dawn ma kinux il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista imma kienu ġejjin minn kull qasam li jmiss direttament mal-ambjent – għax hekk tkun il-konsultazzjoni xierqa – ħareġ biċ-ċar kemm il-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu viżjoni li tista’ tistrieħ fuq il-pedamenti li qiegħed jibni permezz tal-konsultazzjoni u d-diskussjoni.

Fid-diskors aħħari tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil stqarr kategorikament li llum il-ġurnata, il-Partit Nazzjonalista lest li jkun it-tarka tal-protezzjoni kontra l-isfreġju bla rażan li welled il-Gvern ta’ Joseph Muscat, li fost l-oħrajn, inqeda b’gidba ta’ Università sabiex ikun jista’ joħnoq medda art ‘il barra miż-żoni tal-iżvilupp. Lil hinn minn hekk, il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwassal messaġġ b’saħħtu: ‘L-ambjent huwa prijorità sabiex ikollna ħajja ta’ kwalità aħjar’.

Fix-xenarju politiku, l-ambjent u l-voti huma paradossali, imma minkejja din it-theddida tal-vot, Simon Busuttil jenfasizza fuq l-importanza li f’pajjiżna, ikun hawn partit wieħed mill-ewlenin li jqis l-ambjent bi prijorità, u dan huwa l-Partit Nazzjonalista, irrispettivament jekk dan jistax ikolli impatt politiku fl-elezzjoni li jmiss. Għal Simon Busuttil, il-futur ta’ Malta huwa bil-wisq aktar għani minn dak tiegħu personali u/jew tal-Partit Nazzjonalista.

Matul din il-leġislatura, l-ambjent Malti ġie kkonfrontat diversi drabi mill-politika tas-sold u nofs li jħaddan il-Gvern fir-rigward tal-ambjent, u għaldaqstant, issa quddiemu, il-Partit Nazzjonalista (li kulma jmur qiegħed ikompli jafferma l-pożizzjoni tiegħu bħala Gvern alternattiv) għandu l-obbligu li jerġa’ jkun kreattiv, u minbarra li joħloq l-ispazji ġodda għar-rikreazzjoni ta’ wliedna u l-anzjani tagħna, irid ireġġa’ lura dak li ħasad il-Gvern bil-mannara tal-kompromessi li ntlaħqu fir-raba’ sular, u li minħabba fihom, l-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista (illum l-ispiker tal-Kamra) aċċenna fin-negattiv, tant li l-ambjentalisti huma lkoll kontra t-taparsi moviment tal-Gvern Laburista.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma jistax jilħaq l-għanijiet tiegħu jekk ma jibdiex sewwasew mill-qiegħ nett, minn uliedna li jridu jħaddnu prinċipji ambjentali ta’ reqqa u serjetà. Il-pjan ma jistax ikun biss wieħed ambjentali, imma jekk xejn, irid ikun wieħed edukattiv. Kien għalhekk, l-għażla tat-titlu tiegħi għal dan l-artiklu; L-edukazzjoni u l-ambjent jimxu id f’id jekk irridu naħsdu dak li llum qed niddiskutu u nfasslu għal għada.

Nistenna, u għaldaqstant nistieden lill-Partit Nazzjonalista jħejji l-viżjoni ambjentali tiegħu marbuta, jekk mhux minsuġa, ma’ dik edukattiva. Mhux lakemm tgħid li minn issa ‘l quddiem l-ambjent ser ikun prijorità jekk il-kultura tagħna ilha snin tonqos mid-dover tagħha lejh. Għalhekk, irridu nnisslu f’uliedna mħabba lejn din il-gżira bl-ekoloġija unika tagħha, irrawmu fihom sens ta’ utilità fit-trasport pubbliku fost l-oħrajn, billi anke nkunu aħna stess l-aġenti tal-bidla fil-mentalità.

Dan kollu ma nistgħux narawh jimmaterjalizza jekk ma nagħrfux l-importanza li nirriklamaw l-importanza tal-ambjent. Irid ikun il-Gvern li jinċentiva l-ideat, permezz ta’ pubblikazzjonijiet attraenti, attivitajiet u kampanji ħolistiċi fl-iskejjel tagħna kollha sabiex bil-mod il-mod nibdew nafdaw din l-idea ambjentali f’idejn dawk li jaqblilhom jimpurtahom… qabel ikun tard iżżejjed.

L-ambjent mhuwiex biss topik politiku li nistgħu naqbduh u nwarrbuh. Imma huwa l-qofol ta’ ħajjitna, u ma għandix dubju, li l-Partit Nazzjonalista li llum qiegħed jagħraf il-ħtieġa li jieqaf u jikkonsultah u jqiegħdu fuq pedestall, issa lest jieħu l-miżuri kollha sabiex ikompli jkun is-sustanza tal-ħajja ambjentali Maltija.

Minn issa ‘l quddiem, l-evalwazzjoni taqbad tindokra ruħha f’ħolma, ħolma li Malta tkun kisbet l-importanza ta’ idea ambjentali la ma tnin qatt.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ nhar l-Erbgħa 3 ta’ Frar, 2016.
Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 Distrett