Ambjent Lokali

Filmat: Filfla u l-inħawi kif ftit nies jafuhom

Filfla - Mill-Arkivji

Filfla, gżira ċkejkna mdawra minn uħud mill-aktar ħajjiet marini għanja li jgħammru fil-gżejjer Maltin, din is-sena se tkun protagonista tad-dokumentarju ddettaljat iffinanzjat mill-Malta Airport Foundation.

Il-kru rebbieħ ta’ għadd ta’ premji, li jinkludi r-rebbieħ tal-premju BAFTA 2015 għaċ-ċinematografija fattwali, qatta’ xhur jiffilmja l-ħajja marina madwar l-iżgħar u l-aktar gżira protetta fl-arċipelagu Malti.

“Filfla kienet waħda mill-aktar imkejjen diffiċli fejn tiffilmja. Il-kurrenti huma perikolużi u ma jaħfruhiex; għalhekk kellna nagħmlu numru ta’ għads bl-għan li niffamiljarizzaw ruħna mal-post hekk kif kienu ftit nies li qatt esploraw is-sikek lil hinn mill-gżira” qal Pedja, wieħed mid-direttur tad-dokumentarju.

Id-dokumentarju taħt il-baħar se jieħu lit-telespettaturi eqreb minn qatt qabel fl-ibħra madwar Filfla, li hija Żona Marina Protetta (MPA) u fejn ebda attività tal-bniedem ma hi permessa. Fil-fatt, permess speċjali kellu jintalab għal kull għadsa lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll lil Transport Malta.

Id-dokumentarju ta’ 20 minuta huwa mistenni li jibda jintwera f’nofs l-2016. F’ħidma konġunta bejn il-Malta Airport Foundation, Monolith Limited u Prof. Alan Deidun mill-Universita ta’ Malta , dan il-proġett huwa l-aħħar kontribut minn sensiela ta’ dokumentarji taħt il-baħar dwar il-ħabitat lokali.

Iċ-Chairperson tal-Malta Airport Foundation, is-Sur Fredrick Mifsud Bonnici qal li b’aktar minn 60,000 għaddas iżuru Malta kull sena, joħroġ ċar li s-salvagwardja tal-kapitali kulturali u ambjentali ta’ gżiritna mhux biss hija responsabbiltà soċjali iżda fuq kollox hi ta’ benefiċċju għall-prodott turistiku ta’ Malta.

Segwi t-trailer tad-dokumentarju hawn taħt.