Lokali Saħħa

Filmat: Il-Partit Nazzjonalista jimpenja ruħu li jkompli jiġġieled il-kanċer

Hekk kif illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji kontra l-Kanċer, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima l-impenn tiegħu li jibqa’ jiġġieled din il-marda ma’ kull ġurnata li tgħaddi.

Fl-istqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista fakkar li fis-snin li għaddew dejjem ħadem biex il-kura kontra l-kanċer tingħata prijorità. B’eżempji konkreti, il-Partit Nazzjonalista fakkar fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura tal-Kanċer, kif ukoll il-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei.

Anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem b’mod konkret biex jassigura li l-ġlieda kontra l-kanċer tibqa’ għaddejja, fost l-oħrajn bil-preżentazzjoni tal-Liġi dwar Ħajja Sana, li titkellem direttament dwar il-marda tal-kanċer.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem lill-pazjenti li jum wara l-ieħor jiġġieldu din il-marda kiefra b’determinazzjoni u dinjità, kif ukoll lill-qraba tal-pazjenti li joffru s-sostenn u l-appoġġ kontinwu. Sellem ukoll lill-professjonisti, li jagħmlu ħilithom b’tant dedikazzjoni ħalli tingħata l-aqwa kura u anke lit-tant għaqdiet, li jimpenjaw ruħhom mal-pazjenti u l-qraba tagħhom fil-mumenti diffiċli li jkunu qed jiffaċċjaw.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jsostni l-impenn li jibqa’ jagħti l-importanza neċessarja lill-mard tal-kanċer u l-kura tiegħu, fost l-oħrajn bil-promozzjoni ta’ aktar screening, kif ukoll bl-appoġġ meħtieġ lill-pazjenti u l-familji tagħhom ħalli ħadd ma jkollu għalfejn jittallab għall-kura li hi tiegħu bi dritt.

Ara l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista għal din l-okkażjoni: