Lokali

Front Ħarsien ODZ jinsisti li Wied Moqbol għandu jitħares

Front Ħarsien ODZ qed joġġezzjona għad-deċiżjoni tat-tribunal tal-MEPA li bidel deċiżjoni tiegħu stess meħuda fl-2005 u fl-2009 u din id-darba ta l-permess biex issir barriera ġdida f’Wied Moqbol fiż-Żurrieq.

Front Ħarsien ODZ tenna li għandu jiġi evitat li tittieħed art barra ż-żona ta’ żvilupp għal każijiet ta’ żvilupp mhux meqjus neċessarju, u ħeġġeġ lit-tribunal jiddeċiedi kontra l-appell tal-applikant.

Il-front qed jappella wkoll lill-maġġoranza Laburista fil-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex, bħalma għamleet fl-2005, anke issa topponi l-ħruġ tal-permess.

Il-front insista li l-art fejn qed jiġi propost li ssir barriera hi meqjusa bħala waħda agrikola fil-Pjani Lokali u għalhekk m’għandu jsir ebda żvilupp li mhux direttament marbut mal-biedja. Innota wkoll li Wied Moqbol hu protett f’livell internazzjonali bħala sit Natura 2000, u anke mid-direttiva tal-UE għall-għasafar minħabba li hawnhekk jgħixu żewġ tipi partikolari ta’ għasafar (“Cory” u “Levantine Shearwater”). Insista wkoll li l-barriera proposta tħalli impatt negattiv fuq il-kwantità ta’ siġar tal-ħarrub, b’effetti negattivi mbagħad fuq it-telf tal-ħamrija u l-biodiversità.

Il-Front Ħarsien ODZ irrefera wkoll għal SPED 2.25, li għalkemm m’għandux “policies” jew pjani imma hu sett ġenerali ta’ prinċipji, jirrikonoxxi li t-teħid tal-ġebla tal-franka mhux sostenibbli minbarra li jagħmel ħsara permanenti lill-ekoloġija u l-pajsaġġ u joħloq effetti ħżiena fuq l-agrikoltura u s-saħħa minħabba l-emissjonijiet ta’ trab.

Il-Front għalhekk qed iħeġġeġ lit-tribunal tal-MEPA biex iżomm mal-“policies” tiegħu stess u jirrifjuta l-permess għal barriera f’Wied Moqbol.