Joseph Camilleri, ta’ 46 sena minn Għajsielem, kien immultat €5,000 wara li nstab ħati li fil-11 ta’ Awwissu 2014 u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel f’Kemmuna għamel użu mill-bastiment “Georgea 2” mingħajr ma kien irreġistrat mal-Awtorità kompetenti u mingħajr ma ġedded ir-reġistrazzjoni tal-bastiment mal-Awtorità, meta ma kienx kopert b’polza tal-assikurazzjoni.
Dawn il-każi seħħew waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza, fejn l-akkużat kien ġie mogħti l-libertà kkundizzjonata. Għalhekk, hu sar riċediv b’diversi sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Magistrati ta’ Għawdex.
Mix-xhieda mogħtija minn Uffiċjal ta’ Transport Malta rriżulta li hu informa lill-Pulizija li l-imputat kien qed jagħmel użu mill-bastiment meta ma kienx skont ir-regoli. Min-naħa tiegħu, Uffiċjal tal-Pulizija xehed li fil-11 ta’ Awissu 2014 kien għamel spezzjoni f’Kemmuna, fejn kien sab lill-imputat fuq il-bastiment fil-Bajja tal-Blue Lagoon. Malli talab lill-imputat biex jagħtih id-dokumenti tal-bastiment mill-Awtorità u l-polza tal-assigurazzjoni, l-imputat stqarr li d-dokumenti ma kinux fuqu.
Matul il-proċess, id-Difiża baqgħet ma ppreżentatx is-sottomissjoni tagħha bil-miktub, minkejja li ngħatat il-fakultà taghmel dan. Fl-istess waqt, il-Qorti kkunsidrat li r-reati saru waqt perjodu ta’ libertà kkundizzjonata u li l-imputat hu riċediv. Il-Qoti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.
//= $special ?>