Lokali

Il-Kamra tal-Avukati hija diżappuntata bin-nuqqas t’għarfien mill-Gvern

Il-Kamra tal-Avukati fi stqarrija qalet li jiddispjaċiha tinnota li l-problemi li qed jiġu ffaċċjati llum bl-aħħar nomini tal-Gvern għall-bank tal-ġudikatura huma konsegwenza diretta tan-nuqqas tal-Gvern li jbiddel is-sistema ta’ kif jiġu magħzula u appuntati l-ġudikanti. Dan ma kienx jiġri li kieku sar proċess ta’ skrutinju adegwat, spassjonat u mhux kondizzjonat minn pressjonijiet u konsiderazzjonijiet estraneji, li kien iwassal sabiex isiru rakkomandazzjonijiet mhux biss fuq bażi ta’ kompetenza iżda anke fuq bażi tal-kwalifiki stabbiliti mill-liġi.

Il-Kamra tal-Avukati hija diżappuntata wkoll li l-prassi li jigi konsultat il-President tal-Kamra tal-Avukati qabel ma ssir ħatra wkoll ma baqgħetx tiġi segwita. Din il-prassi kienet fiha nnifisha sservi sabiex tiftaħ għajnejn il-Ministru responsabbili mill-Ġustizzja qabel ma jagħmel nomini kontroversjali.

Il-Kamra tal-Avukati lanqas ma tifhem għalhiex qed tiżżeffen fin-nofs f’dan l-istadju l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li qed tintalab tagħti parir wara li tħabbru n-nomini meta huwa ovvju li l-Kummissjoni ma tistax tvarja dak li hemm fil-Kostituzzjoni u ma tistax issewwi dak li laħaq sar.