Il-katavru ta’ Padre Pio, li hu wieħed mill-aktar qaddisin popolari tal-Knisja Kattolika, twassal il-Vatikan (f’Ruma) fejn jinsab espost għall-wiri f’tebut tal-kristall.
Il-fdalijiet tal-Kapuċċin Padre Pio, li miet fl-1968 u li skont il-Knisja kien ibati bis-‘stigmata’ (il-feriti jnixxu li ġarrab Ġesù waqt il-Passjoni) kienu nqalgħu minn taħt l-art, fl-2008, fl-inħawi ta’ San Giovanni Rotondo. Il-patri kien qatta’ l-parti kbira ta’ ħajtu jgħix f’din il-belt lejn il-Grigal tal-Italja.
Il-katavru ta’ Padre Pio kien suġġett għal rikostruzzjoni parzjali b’maskra tas-silicone u fejn qed ikun ippreservat ġo relikwarju tal-ħġieġ, bit-tempertura kkontrollata, ħalli jkunu jistgħu jarawh id-devoti.
Il-Papa Franġisku irid li l-katavru ta’ Padre Pio – li qatta ħafna minn ħajtu jisma’ l-qrar u li kien iddikjarat qaddis fl-2002 – iservi bħala simbolu tad-devozzjoni fil-Bażilika ta’ San Pietru (f’Ruma) waqt is-Sena Mqaddsa tal-Knisja Kattolika, ddedikata lit-tema tal-maħfra.
Intant, mhux ir-residenti kollha ta’ San Giovanni Rotondo huma kuntenti bil-‘pellegrinaġġ’ tal-katavru ta’ Padre Pio lejn Ruma – peress li s-santwarju tal-qaddis f’din il-belt, is-soltu jattira madwar miljun devot fis-sena.
//= $special ?>