Internazzjonali

Interess kbir f’siġill Eġizzjan antik minn Qabel Kristu

Raġel miexi fiz-zona tal-Galilea t’Isfel, f’Iżrael, sab siġill Eġizzjan – iffurmat bħal speċi ta’ ħanfusa – u li għandu sinifikat kbir storiku peress li jmur lura għal 3,500 sena. Is-sejba partikolari saret f’zona ta’ vulkan li ma baqax attiv u jaħsbu li s-siġill, iffurmat bħall-ispeċi scarab beetle, jirrappreżenta lill-Farawni Thutmose III li hu kkunsidrat bħala ‘n-Napuljun Bonaparte’ tal-Eġittu.

Dan il-Mexxej Eġizzjan leġġendarju kien ħataf kontroll ta’ xejn anqas minn 350 belt antika waqt it-tmexxija tiegħu, fis-Seklu Ħmistax Qabel Kristu, li damet għal 54 sena.

X’aktarx li s-siġill inqala’ minn qiegħ l-art b’kaġun tal-ħalbiet kbar tax-xita riċenti f’Iżrael. Sadanittant, ir-raġel li sab ‘l-oġġett żgħir u abjad’ qalb il-blat ikkuntattja lill-Awtorità tal-Antikitajiet Iżraeljan biex ikun jaf x’kienet tfisser il-kitba ta’ fuqu.

Intant, Daphna Ben-Tor, il-kuratur tal-Mużew li jispeċjalizza fl-istorja antika ta’ Iżrael u l-Eġittu, identifikat l-oġġett bħala ‘simbolu’ mill-perjodu tar-Renju Ġdid li kien dam mis-Sittax sal-Ħdax il-seklu Qabel Kristu.

Is-siġill juri lill-Farawni Thutmose III (1481-1425 Qabel Kristu) bilqiegħda fuq it-tron u, quddiemu, cartouche ovali bis-simboli li jirrappreżentaw isem il-Farawni bl-eroglifiċi.

Waqt ir-renju ta’ Thutmose, l-Eġittu kien waqqaf sistema ta’ governanza amministrattiva f’Canaan. Intant, il-Farawni mexxa numru ta’ kampanji biex jikseb aktar artijiet għall-amministrazzjoni tiegħu, bl-aktar battalja famuża fi żmienu tkun dik ta’ Megiddo, fil-Wied ta’ Jezreel. Ir-rebħa, f’din il-battalja, għal Thutmose III hi mfakkra b’simboli fuq il-ħitan tat-Tempju ta’ Karnak, f’Luxor, fl-Eġittu.

Sadanittant il-fatt li s-siġill għandu l-forma ta’ scarab beetle jissuġġerixxi li kellu sinjifikat kosmoloġiku fl-Eġittu l-Antik. Is-scarabs kienu l-aktar simboli popolari fl-Eġittu l-Antik għaliex kienu jissimbolizzaw, fost oħrajn, l-idea ta’ tiġdid u reġenerazzjoni.