Internazzjonali

Jinstab il-katavru tat-Taljan li għeb fil-Kajr

Il-Gvern Taljan qed jinsisti għad-dettalji ta’ x’ġara wara li nstab il-katavru ta’ Giulio Regeni, student Taljan ta’ 28 sena.
Regeni kien għeb misterjożament il-ġimgħa li għaddiet u lbieraħ instab il-katavru tiegħu fil-periferiji tal-Kajr b’marki ta’ tortura fuqu kif ukoll bi partijiet mill-katavru neqsin u parzjalment maħruq.
Regeni kien student tal-Università ta’ Cambridge fir-Renju Unit u kien mar l-Eġittu minħabba l-istudji tiegħu. Hu għeb fil-25 ta’ Jannar, l-anniversarju tal-protesti fi Pjazza Tahrir li wasslu biex tneħħa mill-poter il-President Hosni Mubarak.
Il-Pulizija Eġizzjana qed isostni li hu aktarx kien vittma ta’ inċidenti tat-traffiku imma kemm il-familja tal-vittma kif ukoll il-Gvern Taljan mhux qed jaċċettaw din it-teżi u qed jinsistu għal investigazzjoni bir-reqqa.