Internazzjonali

Kmandanti ewlenin tal-ISIS qed isibu ‘refuġju’ fil-Libja

Numru ta’ kmandanti influwenti tal-ISIS, fl-aħħar ġimgħat, ittrasferew lejn il-Libja mill-Iraq u s-Sirja, skont ma tenna uffiċjal ewlieni tas-servizzi sigrieti Libjani.

Dan l-uffiċjal, li kien qed ikellem lill-‘BBC Newsnight’, sostna li ‘ammont dejjem akbar ta’ ġellieda barranin’ waslu f’Sirte, il-belt fejn kien trabba l-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi, u li llum inbidlet f’fortizza tal-ISIS fil-Libja.

Ir-rappreżentanti ta’ 23 pajjiż iltaqgħu f’Ruma, nhar it-Tlieta, biex jiddiskutu t-theddida mill-ISIS li qed tiżdied fil-Libja li għadha mgħarrqa f’kaos u inċertezza mindu tqaċċat l-eksreġim ta’ Gaddafi, fl-2011.

Sadattant, id-diżgwid kontinwu bejn il-Gvernijiet Libjani rivali – dak f’Tobruk li jgawdi għarfien internazzjonali u l-ieħor fi Tripli – qegħdin ifixklu l-isforzi u l-istrateġiji li jappoġġjaw il-ġlieda kontra l-ISIS.

Filwaqt li ċerti sorsi jaħsbu li l-ISIS fil-Libja qed jingħata appoġġ mingħand elementi li darba kienu leali għall-eksreġim ta’ Gaddafi, Ismail Shukri, li jmexxi s-servizzi sigrieti Libjani fil-belt ta’ Misrata, informa lil ‘Newsnight’ li ‘l-aħħar xhur raw influss ta’ ġellieda (militanti) barranin fil-Libja’.

Shukri spjega li l-maġġoranza – madwar 70 fil-mija – tal-ġellieda tal-ISIS f’Sirte huma barranin u li l-parti kbira jinkludu Tuneżini, Eġizzjani, Sudaniżi u numru ta’ Alġerini.

‘Ma’ dawn wieħed irid iżid anki elementi Iraqqin u Sirjani. Ħafna mill-Iraqqin li qed jappoġġjaw lill-ISIS darba kienu jiffurmaw parti mill-Armata (illum xolta) tal-eksdittatur tal-Iraq, Saddam Hussein’, kompla Ismail Shukri.

Dan l-uffiċjal spjega wkoll li l-kmandanti ewlenin tal-ISIS li qegħdin isibu kenn fil-Libja kienu spiċċaw taħt pressjoni b’konsegwenza tal-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni internazzjonali anti-ISIS fl-Iraq u s-Sirja. U skont Shukri, ‘numru ta’ membri tal-ISIS, speċjalment dawk b’importanza sostanzjali għall-grupp tat-terroristi, sabu refuġju fil-Libja għaliex jarawha bħala pajjiż sikur għalihom’.

L-awtoritajiet f’Misrata qalu li qegħdin iħejju offensiva kontra l-ISIS f’Sirte. Madankollu, sorsi fil-belt ta’ Abugrein, li tinsab xi 120 kilometru fin-nofsinhar ta’ Misrata, ftit raw provi ta’ xi ‘konfront imminenti mat-terroristi’. Il-kmandanti tal-qawwiet Libjani f’Abugrein qalu lil ‘Newsnight’ li dawn il-qawwiet – li huma leali għall-Gvern fi Tripli — jammontaw għal madwar 1,400 element, bin-numru jkun stmat bħala anqas min-nofs tal-ammont ‘ikkalkulat’ tal-ġellieda tal-ISIS fl-inħawi.