L-Imam Mohammed El Sadi ħa pożizzjoni dwar it-talb tal-Musulmani fil-pubbliku u kkritika l-mod kif sar it-talb fil-pubbliku fl-Imsida, filwaqt li sostna li dan sar mingħajr konsultazzjoni.
L-Imam qal li ċ-Ċentru Iżlamiku f’Malta qed isegwi b’attenzjoni l-avvenimenti li qed iseħħu madwar id-deċiżjoni tal-MEPA li tagħlaq il-post fl-Imsida fejn il-Musulmani kienu jitolbu. Kienet din id-deċiżjoni li wasslet biex il-Musulmani jmorru jitolbu fil-miftuħ fl-Imsida.
L-istqarrija kompliet tgħid li din l-azzjoni wasslet għal tħassib mill-pubbliku Malti, fejn kien hemm min wera simpatija mal-Musulmani u oħrajn li wrew diżapprovazzjoni.
L-Imam qal li ċ-Ċentru Iżlamiku ma ntervjeniex għax ma kienx ikkonsultat minn qabel, la mill-Musulmani li kienu qed jitolbu u lanqas mill-awtoritajiet Maltin. Minkejja dan, iċ-Ċentru rċieva diversi talbiet biex jieħu pożizzjoni dwar dan.
Filwaqt li esprima d-diżappunt għall-għeluq tal-postijiet ta’ talb fl-Imsida u f’Santa Venera, Mohammed El Sadi appella lill-awtoritajiet biex iħallu dawn il-postijiet miftuħin għat-talb. Sostna li minkejja dawn id-deċiżjonijiet, iċ-Ċentru Iżlamiku ma kienx kuntent bil-laqgħat ta’ talb li kienu qed isiru kull nhar ta’ Ġimgħa fil-pubbliku, speċjalment li dawn kienu qed isiru quddiem il-Knisja tal-Imsida. Dan minħabba li dan jista’ jwassal għal azzjonijiet ta’ mibgħeda għall-Musulmani u biża’ minnhom.
L-Imam sostna li minkejja li ċ-Ċentru jemmen li l-Musulmani li marru jitolbu l-Imsida ma pprovokaw l-ebda sentiment, iżda kellhom biss l-iskop li jattiraw l-attenzjoni tal-awtoritajiet Maltin u tal-pubbliku għall-bżonn li jingħataw post ta’ talb, iċ-Ċentru talab skuża għal kulmin ħassu offiż.
Fl-istqarrija, l-Imam qal li l-Moskea f’Raħal Ġdid m’għadhiex kbira biżżejjed biex takkomoda lill-Musulmani li jmorru jitolbu kull nhar ta’ Ġimgħa minħabba d-distanzi minn diversi lokalitajiet. Għalhekk, sostna li l-komunità Musulmana għandha bżonn ta’ postijiet oħra ta’ talb, fejn qed tappella lill-awtoritajiet Maltin biex iħallu miftuħa l-postijiet fejn jitolbu l-Musulmani.
Mohammed El Sadi enfasizza l-importanza tad-djaolgu u qal li l-komunità Musulmana għandha l-impressjoni li l-MEPA tista’ tagħlaq il-postijiet kollha li fihom jitolbu l-Musulmani. Għalhekk hi meħtieġa ‘policy’ tal-Gvern biex il-komunità Musulmana jkollha moħħha mistrieħ.
Filwaqt li rringrazzja lill-awtoritajiet Maltin li pprovdew post temporanju ta’ talb fil-Furjana, l-Imam qal li l-komunità Musulmana trid issolvi din il-problema billi jinkisbu l-pemessi tal-MEPA għall-postijiet fejn isir it-talb. Is-sitwazzjoni preżenti, sostna, turi kemm hawn bżonn ta’ Moskea oħra, filwaqt li appella lill-Gvern biex jidentifika sit fejn tista’ tinbena Moskea oħra.
L-Imam temm jgħid li l-aħħar avvenimenti wrew il-ħtieġa li ċ-Ċentru Iżlamiku għandu jkun ikkonfermat bħala r-rappreżentant ewlieni tal-komunità Musulmana f’Malta fuq il-bażi li dan hu rikonoxxut legalment, fuq il-kontribut li ta fil-passat, fuq ir-relazzjonijiet eċċellenti li għandu mal-Gvern, mal-partiti politiċi u mal-pubbliku, kif ukoll fuq ix-xejriet moderati li ħa u li ġabulu rispett u fiduċja mingħand kulħadd.
//= $special ?>

