Internazzjonali

L-Istati Uniti impenjata għal ġlieda aktar effettiva kontra l-ISIS fil-Libja

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, talab lill-konsulenti ewlenin biex ifasslu għażliet u miżuri għal ġlieda aktar intensiva kontra l-ISIS – u fejn il-qawwiet inkarigati ‘jiftħu front ġdid’ fl-artijiet tal-Libja.

Proprju sena u nofs wara li koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti bdiet l-attakki mill-ajru kontra l-ISIS fl-Iraq u s-Sirja, diversi sorsi qrib l-amministrazzjoni Amerikana qalu li l-White House ta’ Washington irid ‘iħaffef l-impenn u jżid il-livell tal-kumbattimenti kontra t-theddida tat-terroristi’.

Intant, se jiżdiedu l-isforzi biex jittieħed lura l-kontroll ta’ Raqqa, il-fortizza ewlenija tal-ISIS fis-Sirja. Hemm ukoll impenji simili għal Mosul, fortizza oħra tal-ISIS fl-Iraq, flimkien ma’ pjan biex ma tiżdiedx il-preżenza tal-grupp tat-terroristi fl-Afganistan.

Iżda l-Amerikani qegħdin jikkonċentraw aktar fuq it-theddida tal-ISIS fil-Libja, meta jingħad li l-għażliet potenzjali jvarjaw minn attakki tal-ajru aktar intensivi sa parteċipazzjoni f’qawwa tal-art li jkollha l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u li tgħin tikkonfronta lill-ġellieda tal-ISIS fit-territorji Libjani. Hu kkalkulat li hemm madwar 3,000 element tal-ISIS fil-Libja.

Kelliema għad-Dipartiment tad-Difiża Amerikan qalu li dan id-Dipartiment ‘lest biex iwettaq l-ispektrum kollu ta’ azzjonijiet militari skont ma jkun neċessarju’.

L-istess kelliema qalu li l-Istati Uniti anki se tkompli taħdem mal-komunità internazzjonali biex tnaqqas is-sitwazzjoni ta’ konflitt fil-Libja, minbarra li tippromwovi l-istabbiltà u ssaħħaħ l-amministrazzjoni ta’ dan il-pajjiż.

Sadattant, l-uffiċjali wissew li Barack Obama għad ma kienx ippreżentat bi pjani militari konkreti, minkejja s-sitwazzjoni tas-sigurtà ‘akuta’.

Uffiċjali tad-Difiża Amerikani, fl-istess ħin, wissew li l-azzjoni fil-Libja hi meħtieġa qabel il-pajjiż jinbidel ‘f’santwarju’ għall-ISIS u ssir dejjem aktar diffiċli biex it-terroristi jinqalgħu mill-inħawi.