Ali Fauzi Ltetey, Libjan ta’ 38 sena residenti Tas-Sliema, inżamm arrestat wara li ma ammettiex l-akkużi miġjuba kontrieh fil-Qorti fir-relazzjoni tiegħu mal-każ tal-eks Kandidat Laburista Joe Sammut.
Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, hu kien akkużat bi frodi, b’miżappropjazzjoni, b’nuqqas ta’ osservanza għall-proċessi ta’ due diligence u b’falsifikazzjoni biex Libjani setgħu jiksbu l-Permess tar-Residenza. Il-Libjan qed jiġi akkużat ukoll li għamel dan kollu b’kompliċità mal-eks Kandidat Laburista, li wkoll qed jiffaċċja tali akkużi.
Ltetey qed ikun akkużat ukoll li hu riċediv wara li fl-2008 kien ingħata sentenza sospiża. Dakinhar hu kien instab ħati b’akkużi ta’ traffikar uman. Fil-Qorti, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. Issa, l-investigaturi qed isostnu li l-arrest tal-Libjan se jħoll il-kobba fil-każ ta’ Joe Sammut.
Isem l-eks Kandidat Laburista ħareġ fil-pubbliku wra li persuna ta’ nazzjonalità Libjana ammetta li ta dettalji ħżiena lil Sammut, li min-naħa tiegħu kien se jgħinu jiftaħ negozju f’pajjiżna. Fil-passat, kien stabbilit li Joe Sammut kien jieħu ħsieb ukoll il-finanzi tal-Familja Gheddafi f’Malta.
Il-Prosekuzzjoni fil-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Lara Butters, Jonathan Ferries u William Scicluna.
//= $special ?>

