BLOGS

Responsabbiltà politika

L-iskandlu ta’ Gaffarena qajjem ħafna tħassib u inċertezza f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Gvern b’mod partikulari għax ir-responsabbiltà tas-Segretarjat u tad-dipartimenti li kienu nvoluti fih jaqgħu direttament taħt il-Prim Ministru

Malta hi pajjiż fejn il-politika hi xi ħaġa ta’ kuljum – ħafna nies tinteressahom il-politika, speċjalment il-politika partiġjana, u dan iwassal biex kull avveniment fix-xena politika jsir is-suġġett ta’ diskussjoni ta’ ħafna nies.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, l-aħbarijiet u x-xena politika kienu misruqa mill-famuż każ ta’ Gaffarena li b’manuvri maħsuba rnexxielu jagħmel qligħ kbir minn proprjetà bl-għajnuna tal-Gvern. Każ li qajjem ħafna tħassib u inċertezza f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Gvern partikularment għaliex ir-responsabbiltà tas-Segretarjat u tad-dipartimenti li kienu nvoluti f’dan l-iskandlu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru, wara r-riżenja ta’ Michael Falzon, saħaq li Michael Falzon refa’ r-responsabbiltà politika – u din hi l-ħaġa li nara ironika. Ironika għaliex dan ifisser li Michael Falzon refa’ r-responsabbiltà politika wara li kien politikament irresponsabbli.

Din hi r-responsabbiltà politika?
Responsabbiltà politika mhix meta wieħed jirriżenja wara li jagħmel ħażin. Ir-riżenja hi kawża ta’ irresponsabbiltà politika fil-kariga li kien jokkupa, għalhekk ir-riżenja ma tistax tkun responsabbiltà politika.

Ir-riżenja hi sempliċement konsegwenza ta’ irresponsabbiltà. Ir-riżenja hi s-soluzzjoni għal irresponsabbiltà politika. Responsabbiltà politika toħroġ meta wieħed jaqdi dmiru sew fil-pożizzjoni li jkollu u jġib l-interessi tal-pajjiż bħala l-ewwel prijorità – xi ħaġa li Michael Falzon m’għamilx u allura ma nistax nifhem kif il-Prim Ministru jgħid li refa’ r-responsabbiltà politika.

Michael Falzon sempliċement ħa l-unika triq li seta’ jieħu, li hi li jirriżenja, għaliex kien politikament irresponsabbli. Ir-riżenja turi li Michael Falzon għaraf x’inhuma r-responsabbiltajiet politiċi tiegħu, iżda ma kienx responsabbli biżżejjed għaliex ma qediex dmiru kif jixraq – ossija għall-interess tal-pajjiż, għalhekk irriżenja.

Politiċi responsabbli
Dan il-każ għandu wkoll jiftaħ għajnejn il-politiċi stess. Politiku għandu jara li hu responsabbli biex jara li hu denju li jissejjaħ politiku. Politiku hu wieħed li jġib l-interess tal-pajjiż l-ewwel u dik hi l-vera responsabbiltà politika.

Fl-opinjoni tiegħi, riżenja bħal dik ta’ Michael Falzon mhix turija li qed tintrefa’ responsabbiltà politika – iżda hi biss kawża ta’ rresponsabbiltà li tfakkarni fil-frażi bl-Ingliż walk of shame, li hu l-pass li jieħu meta wieħed ma jkunx denju għall-pożizzjoni li jokkupa minhabba deċiżjonijiet żbaljati jew intenzjonati li minflok jagħmlu ġid lil pajjiżna, isarrfu f’deni.

Politika onesta
Għalhekk it-tema ta’ politika onesta li uża l-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar tliet snin hi iktar importanti, partikularment f’dawn iż-żminijiet.

Il-politiċi, jew dawk li jaspiraw f’karriera politika, iridu jagħmlu l-onestà l-fulkrum tal-ħidma tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista hu ċar f’dan ir-rigward, irid idaħħal standards ġodda fil-politika lokali b’politika nadifa u onesta.

Żgur li l-poplu Malti u Għawdxi jrid li l-pajjiż jitmexxa minn politiċi onesti li jaħdmu għall-poplu kollu u mhux għal ftit individwi. Żgur li l-Partit Nazzjonalista, fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkun qed jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi din l-alternattiva b’kuntrast mal-mod li qed jimxi bih il-Gvern tal-ġurnata.