Lottu u Super 5 Saħħa

Riskju minimu tal-virus Zika f’Malta – il-Gvern

L-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta irrispondew għall-virus taz-Zika minkejja li r-riskju li dan il-virus jidħol f’Malta hu baxx ħafna.

Stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tispeċifika li l-azzjonijiet li ttieħdu huma f’linja mar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO u jinkludu diversi azzjonijiet fosthom is-sorvelja tas-sitwazzjoni internazzjonali, parir lill-persuni li jkunu se jsiefru f’żoni affettwati mill-virus, informazzjoni lill-pubbliku u informazzjoni lit-tobba fl-Isptar Mater Dei.

L-awtoritajiet tas-saħħa waqqfu wkoll working group mal-Università ta’ Malta biex jikkunsidraw l-azzjonijiet meħtieġa. Il-gvern qed isostni li anki fl-UE, ir-riskju hu wieħed żgħir u li l-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta qed jikkomunikaw kontinwment mal-awtoritajiet tas-saħħa Ewropej dwar is-sitwazzjoni.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħtu diversi pariri lill-pubbliku, fosthom li jieħdu l-miżuri protettivi biex ma jingidmux min-nemus, li n-nisa tqal jevitaw pajjiżi milquta, li kull min ikollu suspetti jkellem tabib u li l-persuni jilbsu ilbies bi kmiem twal meta jkunu f’pajjiżi b’riskju.