Lokali

Arrestat hu u jipprova jdaħħal erba’ armi mil-Libja

Il-Pulizija arrestat raġel li nqabad b’armi marbuta ma’ sidru u ma’ dahru, mal-wasla tiegħu f’Malta fuq bastiment tal-merkanzija mil-Libja.

L-arrest sar l-Erbgħa filgħaxija meta l-Pulizja waqqfet lir-raġel hu u ħiereġ mill-Port Ħieles fuq suspett li seta’ kien qed iġorr xi armi. Hu mifhum li r-raġel jaħdem abbord żewġ bastimenti tal-merkanzija li jagħmlu vjaġġi b’mod regolari minn u lejn Tripli u Miżurata, fil-Libja.

Mat-tfittxija, allegatament il-Pulizija sabet erba’ armi li tnejn minnhom kienu mwaħħla b’tape ma’ sidru u tnejn oħra ma’ dahru.

Sorsi qrib il-Pulizija qalu li l-investigazzjoni bdiet ġimgħat ilu meta ġie interċettat raġel li kien qed iġorr arma mhux liċenzjata.