Fis-sottomissjonijiet uffiċjali tiegħu lill-MEPA, Front Ħarsien ODZ tenna li l-applikazzjoni għal proġett ta’ agri-turiżmu fl-inħawi tal-Munxar f’Malta għandha tiġi rifjutata mill-bidu nett minħabba li l-applikazzjoni tmur kontra politika tal-MEPA stess.
Front Ħarsien ODZ jargumenta li l-applikazzjoni hi għal żvilupp bi tmien kmamar biss għall-akkomodazzjoni u għalhekk jistaqsi kif ċentru ta’ konferenzi, ristorant, salons tat-terapija u sbuħija, bar, servizzi tal-bajja u dawk bid-dgħajjes jistgħu jkunu vijabbli. Argumenta wkoll li jekk dawn l-inizjattivi se jkunu jiddependu fuq viżitaturi li ma jorqdux fil-post, allura l-iżvilupp ma jkunx skont dak definit mill-MEPA stess għal agri-turiżmu u ma jistax isir f’art agrikola.
Il-Front irrefera wkoll għal policy Rurali tal-MEPA li tgħid li applikazzjoni għal proġett ta’ agri-turiżmu għandu jsir wara ħames snin li fih ir-razzett ikun ilu jrabbi l-annimali jew ikollu produzzjoni agrikola. Għalhekk, il-Front saħaq li l-applikant għandu l-ewwel jikkonverti r-razzett għal produzzjoni agrikola, ikabbar dak li għandu ħsieb ikabbar għal ħames snin, imbagħad jissottometti applikazzjoni lill-MEPA għall-iżvilupp ta’ agri-turiżmu.
Il-Front irrimarka wkoll li l-istess regoli tal-MEPA jgħidu li l-bini għal proġett ta’ agri-turiżmu m’għandux jaqbeż l-400 metru kwadru meta dak inkluż fl-applikazzjoni għal żvilupp hu għal 450 metru kwadru.
Front Ħarsien ODZ qal li jekk l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata xorta waħda mill-MEPA minkejja l-argumenti mressqa, għandu jsir studju dwar l-impatt ambjentali li jqisu numru ta’ kunsiderazzjonijiet. Il-Front ressaq dak li qed jipproponi li jkunu t-termini ta’ riferenza tal-impatt ta’ studju ambjentali biex jiġu kkunsidrati l-effetti ta’ din l-applikazzjoni fuq l-aspetti soċjali, ekonomiċi, agrikoli, ta’ wirt storiku, ekoloġiċi u ambjentali u oħrajn.
//= $special ?>

