It-terroristi tal-ISIS li ħatfu l-kontroll ta’ Sirte, fil-Libja, qegħdin jużaw billboards u zoni li kienu jintużaw għar-reklamar biex isallbu ‘lill-ispjuni’ kontra l-grupp.
Din hi l-aħħar atroċità fil-belt Libjana partikolari, li kienet ilha s-snin magħrufa bħala z-zona fejn trabba l-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi, u li l-ISIS illum qed jiżviluppaha bħala parti mill-‘Kalifat’ tiegħu.
L-istrutturi għar-reklamar – mimlijin bis-sadid – mar-roundabout ta’ Zafaran, f’Sirte, issa saru għodda għall-kruċifissjoni tan-nies akkużati li qed ‘jispjunaw’ kontra r-reġim ġdid tal-ISIS.
Intant, il-katavri tas-suspettati maqtula qed jitħallew mal-istrutturi bħala twissija grafika lil ħaddieħor. Dan meta l-qraba tal-vittmi mhumiex permessi li jniżżlu l-katavri inkwistjoni għal difna xierqa.
Il-proċess makabru f’Sirte hu parti minn sensiela ta’ pieni primittivi u grotteski li qed jinforza l-ISIS mindu ħa l-poter f’din il-belt Libjana sena ilu. L-ISIS, xhur ilu, kien irnexxielu jkeċċi lill-qawwiet tas-sigurtà Libjani mill-belt ta’ Misrata ( qrib Sirte) wara numru ta’ battalji feroċi.
Sadanittant, u waqt li l-Punent qed jikkonċentra bis-sħiħ fuq it-theddida tal-ISIS fil-Libja, ġellieda minn Misrata qed jinvolvu ruħhom f’missjonjiet sigrieti biex jiġbru informazzjoni mill-inħawi ta’ Sirte. Dawn il-missjonijiet jagħtu idea ċara ta’ x’qed jiġri bħalissa fl-artijiet ta’ Sirte u b’mod aktar konċiż mill-informazzjoni li jistgħu jwasslu d-drones u s-satelliti għall-moniteraġġ.
Fl-istess ħin, dawn huma missjonijiet perikolużi għall-aħħar u hemm possibbiltà kbira li jinqabdu n-nies kuraġġjużi li qed jissugraw ħajjithom għal din l-informazzjoni. Fil-fatt, mifhum li numru ta’ dawn ‘l-ispjuni’ nqabdu u nqatlu mill-ISIS, bil-katavri tagħhom jiżdiedu ma’ oħrajn imsallbin fiz-zona tar-roundabout ta’ Zafaran.
//= $special ?>