Il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil sostna li l-proposti tal-PN dwar l-ekonomja u l-ambjent huma bbażati fuq il-prinċċipju ta’ żvilupp sostenibbli li jitwettaq flimkien mal-ħarsien tal-ambjent.
Il-pożizzjoni tal-PN f’diversi setturi relatati mal-iżvilupp u l-ambjent kienet trattata waqt id-diskors tal-Kap tal-PN Simon Busutttil fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA). Il-Laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Jospeh Muscat, mill-uffiċjal tal-AD Carmel Cacopardo u mill-President tal-MDA Sandro Chetcuti.
Simon Busuttil qal li l-PN ma jemminx li l-ambjnet hu kontra l-iżvilupp u sostna li fid-dokument tiegħu dwar l-ekonomija, il-PN qed jitratta diversi temi ta’ importanza fosthom l-użu tal-art. Dwar dan, il-PN jemmen li l-pajjiż għandu juża dejjem aktar taħt l-art waqt li jassigura li jinħolqu spazji ħodor. Il-PN jemmen f’ekonomija tan-nies, sostna Simon Busuttil, li enfażizza l-importanza tar-riġenerazzjoni urbana f’lokalitajiet fejn hu meħtieġ. Dwar l-ODZ, Simon Busuttil qal li l-PN jemmen li ż-żoni ODZ għandhom jinżammu għaliex il-pajjiż ma jistax jibqa’ jibni kull spazju miftuħ. Simon Busuttil qal li l-bini f’ODZ għandu jsir f’żoni eċċezzjonali li għandhdom ikunu definiti. Fil-proposti tiegħu dwar l-ambjent, il-PN se jkun qed jiddefinixxi dawn iż-żoni, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li għandha ssir diskussjoni jekk id-deċizżjonjiet dwar bini f’ODZ għandhomx jittieħdu mill-Parlament b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar l-importanza ta’ iktar standards fl-industirja tal-kostruzzjoni fosthom dwar l-użu ta’ apparat modern fl-industrija. Jeħtieġ ukoll li l-iżviluppaturi Maltin jsiru iktar internazzjonalizzati fi proġetti kbar, sostna Simon Busuttil, li sostna li l-pajjiż mhux jagħti biżżejjed attenzjoni għall-infrastruttura. Hu qal li l-PN qed jipproponi pjan li jispeċifika l-proġetti infrastrutturali u li dwarhom jemmen li għandu jkun hemm qbil nazzjonali. Fost il-problemi li l-Kap tal-Oppożizzjoni semma kien hemm dik tat-trasport pubbliku u tat-traffiku.
Simon Busuttil enfażizza l-importanza li Malta ssir post mill-isbaħ ta’ abitazzjoni u saħaq fuq l-importanza ta’ tmexxija tajba u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod trasparenti. Hu semma ż-Żonqor u qal li din ma kinitx kwistjoni ta’ ODZ iżda wkoll kwistjoni kif il-Gvern Malti ħalla barra lill-iżviluppaturi Maltin u bla offerta pubblika tal-proġett lil żviluppaturi barranin. Dan kollu sar b’nuqqas ta’ trasparenza, sostna Simon Busuttil, li semma wkoll l-iskandlu ta’ Gaffarena u qal li kieku l-Parlament kien jaf b’dak li qed isir, id-deċiżjonijiet ħżiena ma kinux jittieħdu.
Simon Busuttil appella lill-Gvern biex ikomplu bil-proġett ta’ Gvern Nazzjonalista biex l-art kollha tkun inkluża f’reġistru elettroniku. Dwar il-proposta li d-Dipartiment tal-Artijiet ssir awtorità, il-Kap tal-Oppożizzjoni esprima nuqqas ta’ qbil u qal li dan se jwassal biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod inqas trasparenti.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tkompli tikkonferma l-mument pożittiv tal-ekonomija Maltija tant li fil-ħames snin li ġejjin il-pajjiż se jkun ħallas id-dejn kollu li għamlu l-gvernijiet Maltin mill-1998 ‘l hawn. Dan qed isir bla ma jkun hemm żieda ta’ taxxi, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-2016 hi sena ta’ sfida biex titnaqqas il-burokrazija, Dwar id-Dipartimet tal-Artjiet, il-Prim Ministru esprima qbil li titwaqqaf awtorità u qal li l-proġett ta’ reġistrazzjoni elettronika tal-art twaqqaf minn Gvern Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru qal li fiż-żona tal-Bajja ta’ San Ġorġ se jkunu qed isiru 11-il proġett, li ħamsa minnhom huma ta’ daqs konsiderevoli u ta’ kwalità għolja. Joseph Muscat qal li l-gvern m jridx li l-bajja tkun okkupata għal perjodu twil minn apparat tal-kostruzzjoni u għalhekk se jwaqqaf korporazzjoni f’forma ta’ one stop shop biex l-investituri jmorru fiha u jinqbdew għall-proċesssi tagħhom. Se jinstabu wkoll soluzzjonijiet dwar kif il-materjal tal-kostruzzjoni ma jikkaġunax ħsarat ambjentali fiż-żona.
Fuq l-istess mudell, sostna l-Prim Ministru, il-Gvern se jiffirma ftehim ma’ sidien ta’ artijiet fl-Imrieħel biex fuqhom isiru proġetti ta’ kwlaità flimkien mal-privat.
Filwaqt li qal li l-gvern jaqbel mal-proposti tal-Oppożizzjoni dwar liġi tad-dominju u l-ispazji pubbliku, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jkun qed iressaq proposti għal din il-liġi biex tkun imtejba.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-abbużi u sostna li l-Gvern mhux se jaċċetta iktar abbużi fis-settur tal-kostruzzjoni,. Bħala eżempju l-Prim Ministru qal li hemm każi fejn persuni japplikaw għal stalel taż-żwiemel b’żewġ sulari biex wara jkunu konvertiti f’vilel. Dwar il-bini vojt, il-Prim Ministru qal li l-gvern se jipproponi miżuri biex is-settur kummerċjali ma jħallix iktar bini vojt, bħal showrooms.
Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-partiti politiċi huma żewġ ħwienet kbar li minnhom l-iżviluppaturi jagħżlu liema hu l-aħjar wieħed bl-aħjar proposti. Hu qal li l-MDA taqbel li l-ambjent ikun b’saħħtu jekk u meta l-ekonomija tkun b’saħħitha, Dwar il-bejgħ fis-settur tal-kostruzzjoni, Sandro Chetcuti qal li minn €1.2 biljun fl-2008 dan is-settur issa tela’ għal €2 biljuni. Hu qal li l-iżviluppaturi tgħallmu jieħdu ħsieb l-ambjent u joffru wkoll soluzzjonjiet. L-MDA mhix favur li jkun hemm estenzjoni taż-żoni ta’ żvilupp, sostna Sandro Chetcuti li appella wkoll biex tonqos il-burokrazija żejda.
//= $special ?>

