Il-korporazzjoni globali Morgan Stanley, li tispeċjalizza fis-Servizzi Finanzjari, irtirat it-tbassir preċedenti – u ottimist – li l-prezzijiet taż-żejt internazzjonali għandhom jieħdu spinta matul din is-sena.
Din il-Korporazzjoni Amerikana, li hi rrappreżentata f’aktar minn 40 pajjiż, naqqset il-pronostiku dwar il-prezzijiet b’xi 50 fil-mija u ammettiet li l-ħażniet eżaġerati taż-żejt fis-suq li huma bil-wisq ogħla mid-domanda u mhumiex se jisparixxu kif ġieb u laħaq.
Adam Longson, li jmexxi r-riċerka dwar il-kommoditajiet tal-enerġija ma’ Morgan Stanley, qal li l-prezz tal-Brent, stabbilit bħala indikatur internazzjonali għaż-żejt, se jkompli jonqos matul is-sena. Dan fost tbassir li l-prezz medju ta’ barmil żejt għandu jkun madwar id-$29 il-barmil fl-aħħar tliet xhur tal-2016.
L-implikazzjonijiet huma li l-prezzijiet taż-żejt,’il quddiem, jistgħu jieħdu daqqa kbira oħra’l isfel. Fil-fatt, mhux eskluż li l-prezz ta’ barmil żejt kapaċi jinżel ‘bi 17 fil-mija oħra’ minn madwar $35 il-barmil, rifless fil-kummerċ ta’ nhar il-Ħamis.
L-analisti ta’ Morgan Stanley qalu, permezz ta’ rapport, li kellhom jirrevedu t-tbassir oriġinali b’mod sostanzjali minħabba li d-domanda għaż-żejt kienet aktar dgħajfa milli mistenni, bil-provvista tar-riżors ukoll tissupera kull aspettativ.
Il-Morgan Stanley, f’Jannar, kienet bassret li l-Brent kellu jitla’ għal $59 il-barmil sal-aħħar tal-2016 waqt li jżomm prezz medju ta’ $49 għal din is-sena. Iżda l-ottimiżmu inizjali naqas bil-kbir ‘fuq il-kunċett tal-provvista u d-domanda’, bil-prezz ta’ barmil żejt għandu jibqa’ ffissat madwar it-$30 il-barmil sal-perijodu April-Ġunju tal-2017.
//= $special ?>