Tliet rappreżentanti tat-Tarzna Palumbo dalgħodu nħelsu mill-akkużi li dejqu lir-residenti Sengleani bi storbju. Il-Qorti ddeċidiet li t-tliet akkużati mhumiex ħatja għax ma kienx hemm provi biżżejjed li l-istorbju kien qed joriġina mit-Tarzna.
Wara l-lejl ta’ bejn it-28 u d-29 ta’ Jannar, il-PRO tal-Assoċjazzjoni Residenti Sengleani Anna Spiteri rrappurtat l-istorbju, bit-tliet persuni ikunu arrestati t-Tnejn li għadda. Id-Diettur tal-kumpanija Joseph Calleja, il-Kaptan Francesco Domenico Impollino u Saverio Vellucci kienu abbord it-tugboat Hamal meta kienu qed jaħdmu fuq bastiment ieħor f’Baċir Numru 6 tat-Tarzna.
Wara li r-residenti qalu li l-ħsejjes qishom ta’ xi generator ma kienux aktar sopportabbli għalihom, il-Qorti ddeċidiet li jsir proċess ta’ monitoraġġ tal-ħsejjes mid-djar li għamlu r-rapport. Minn hawn irriżulta li l-livell tal-istorbju kien jaqbeż dak li tippermetti l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Min-naħa tagħhom, il-kelliema tal-kumpanija qalu li madankollu, il-livell tal-istorbju ma jaqbiżx dak li l-istess WHO taċċetta għall-ħinijiet ta’ bil-lejl. Minkejja dan kollu, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja ddeċidiet li tillibera lit-tliet rappreżentanti tat-Tarzna Palumbo minħabba li fil-proċess fl-ebda ħin ma ġie ppruvat li l-istorbju oriġina mill-Baċir fejn kien qed jinsab il-bastiment inkwistjoni.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josric Mifsud, filwaqt li l-Avukati Abigail Bugeja, Matthew Brincat u Kathleen Grima dehru għall-akkużati.
//= $special ?>

