Lokali Qorti

Jitressqu 23 persuna wara l-inċident ta’ Novembru f’Paceville

Erba’ persuni mit-tmexxija tal-istabbiliment PlusOne ta’ Paceville kienu fost it-23 persuna li dalgħodu tressqu l-Qorti wra l-inċident li seħħ f’Novembru li għadda fl-istess stabbiliment. Kawża ta’ dak l-inċident, għexieren ta’ żgħażagħ weġġgħu, fosthom 14 li kienu sofrew feriti serji bi tnejn minnhom għamlu xi jiem ukoll jingħataw il-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Fost dawk li tressqu l-Qorti, quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, hemm id-Diretturi tal-kumpanija Three Sixty Hugo Chetcuti u Francis Grima, id-Detenur tal-Liċenzja Carlo Schembri u l-Manager tal-istabbiliment Jonathan Grima, li qed jiġu akkużat li kkawżaw feriti gravi lil numru ta’ persuni minħabba nuqqas ta’ attenzjoni u għax ma mxewx mar-regolamenti mitluba mil-Liġi.

Akkużi oħrajn jinkludu li ma pprovdewx ambjent sikur u anke li fl-istabbiliment tagħhom ma sarux it-testijiet meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà. Huma qed jiġu akkużati wkoll li ma avżawx lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) bl-impjieg ta’ xi persuni u anke li impjegaw bouncers privati mingħajr il-liċenzja meħtieġa.

L-erba’ persuni u l-Manager Mark Azzopardi kienu akkużati wkoll li ħallew jidħlu fl-istabbiliment żgħażagħ ta’ taħt is-17-il sena, kif ukoll li bigħulhom alkoħol u sigaretti, filwaqt li ħallew it-tipjip isir fuq ġewwa tal-istabbiliment.

Fost it-23 persuni li tressqu l-Qorti llum dwar dan il-każ hemm ukoll Stephen Ciangura u ommu Teresa, li huma l-propjetarji tal-kumpanija Executive Security Services, li kienu akkużati li impjegaw bouncer mingħajr il-liċenzja meħtieġa u mingħajr ma informaw lill-ETC. Persuni oħrajn jinkludu l-bartenders u bouncers oħrajn li kienu qed jaħdmu fl-istabbiliment mingħajr il-permessi meħtieġa.

Tressqu wkoll iż-żgħażagħ Zach Latif ta’ 18-il sena u Andre Bugeja ta’ 17-il sena, li skont l-Inkjesta Maġisterjali kkawżaw il-paniku meta kienu nvoluti fi ġlieda fl-istabbiliment. Huma qed jiġu akkużati li ħolqu sitwazzjoni li wasslet biex numru ta’ persuni weġġgħu gravi, li ma osservawx il-Liġi u anke li kisru l-paċi pubblika. Latif waħdu jinsab akkużat ukoll li uża sustanzi projbiti (pepper spray) mingħajr liċenzja.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Elton Taliana, Saviour Baldacchino u James Grech, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi, Joe Giglio, Antonio Depasquale, Toni Abela, Steve Tonna Lowell u Joe Brincat qed jidhru għall-akkużati. L-Avukat Kathleen Grima qed tidher bħala parti ċivili għall-vittmi.