Internazzjonali

Lejn l-elezzjoni fl-Istati Uniti: Dibattitu fi New Hampshire bejn Clinton u Sanders

U.S. Senator Bernie Sanders, an independent from Vermont and 2016 Democratic presidential candidate, smiles during a campaign event at the Los Angeles Memorial Sports Arena in Los Angeles, California, U.S., on Monday, Aug. 10, 2015. Some 27,000 people descended Monday night on the Los Angeles Memorial Sports Arena, which has hosted acts such as Madonna and Pink Floyd, to hear from a raspy-voiced 73-year-old who has become the 2016 political season's breakout star. Photographer: Patrick T. Fallon/Bloomberg via Getty Images

L-eks-First Lady tal-Istati Uniti, Hillary Clinton, u s-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders, kellhom konfront televiżiv jaħraq fl-Istat ta’ New Hampshire fejn spikkaw id-differenzi bejn dawn ir-rivali li qed jittamaw li, f’Novembru, jikkuntestaw għall-Presidenza Amerikana f’isem il-Partit Demokratiku.

Dan kien l-ewwel dibattitu dirett bejn dawn iż-żewġ sfidanti ewlenin wara li l-eks-Gvernatur ta’ Maryland, Martin O’Malley, irtira l-kandidatura għat-tikketta Demokratika.

Sadanittant Clinton, li għamlet is-snin fil-kariga ta’ Segretarju tal-Istat Amerikan, u Sanders, is-Senatur minn Vermont, ikkonfrontaw lil xulxin, fost oħrajn dwar aspetti relatati għall-ekonomija, il-kura tas-saħħa u l-politika barranija.

Dan id-dibattitu sar ħamest ijiem qabel Clinton u Sanders jgħaddu mill-primarji li jmiss fi New Hampshire u li jsegwu dawk organizzati jiem ilu, fl-Istat ta’ Iowa. L-indikazzjonijiet mill-istħarriġ popolari huma li Sanders għandu vantaġġ tajjeb fi New Hampshire, li jmiss mal-Istat tiegħu (Vermont). Fl-istess ħin, l-istħarriġ qed juri li l-partitarji Demokratiċi huma ħafna aktar imħassbin dwar l-ekonomija milli dwar l-affarijiet internazzjonali.

Dawn il-primarji huma parti minn proċess li jinvolvi numru ta’ Stati Amerikani u li permezz tiegħu jintgħażel il-kandidat Demokratiku li se jikkuntesta għall-White House. Il-kandidat li jikseb in-nomina tal-Partit Demokratiku jikkonfronta lill-kandidat magħżul tal-Partit Repubblikan fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti li ssir fit-8 ta’ Novembru.