“Il-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Farrugia kkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li filwaqt li Muscat isib il-miljuni għal tal-qalba fi skandli b’korruzzjoni, l-anzjani qed jitħallew għal riħhom.”
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici qalet li Michael Farrugia prova jiftaħar għall-għotja ta’ €300 lill-anzjani li għandhom aktar 75 sena u li baqgħu jgħixu fid-djar. Iżda l-verita’ hi li kien Gvern Nazzjonalista li ntroduċa din il-miżura li wasslet biex l-anzjani kollha li għandhom aktar minn 75 sena bdew igawdu minn din l-għotja li wasslet għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Il-Gvern Laburista kull ma għamel hu li żamm l-istess miżura, iżda ma żied ebda ċenteżmu f’din l-għotja lill-anzjani.
Anki dwar iż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja, tkompli l-istqarrija, il-Ministru Michael Farrugia ipprova jqarraq għaliex din iż-żieda ilha tingħata mill-2008, jiġifieri miżura li kienet introdotta mill-Gvern Nazzjonalista. Li ħeba l-Ministru hu l-fatt li għat-tielet sena konsekuttiva, flok jagħti somma fil-bidu tas-sena, l-Gvern qed jagħżel li jittrateni u jagħti din iż-żieda kull erba’ ġimgħat, deċiżjoni li biha, l-Gvern qed jiffranka l-flus minn bwiet l-anzjani ta’ pajjiżna.
“Hija ħasra li l-Gvern qed jagħżel li jixxaħħaħ ma’ min verament għandu bżonn, waqt li fl-istess nifs, isib il-miljuni li jagħti lil dawk viċin tiegħu, bħal fost l-oħrajn, Gaffarena, tal-Cafe’ Premier, u l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Ma’ Joseph Muscat, l-anzjani ta’ pajjiżna sejrin agħar mhux aħjar,” temmet Paula Mifsud Bonnici
//= $special ?>

